Sunday, November 24, 2024

“Il-Malti jibqa’ s-sinsla … f’mewġa ta’ sħana turist ma jordnax x’jixrob għalija mhix kwalità”

Direttur Maniġerjali ta’ stabbilimenti dwar il-bilanċ bejn il-kwalità u l-kwantità

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Il-klijenti jvajraw. Jekk nieħdu l-Mellieħa, l-ewwel ristorant tagħna għandek qisu 70 fil-mija tal-klijenti li huma Maltin u Għawdxin u 30 fil-mija ta’ turisti. F’Għawdex għandek ftit iktar turisti bil-Maltin jibqgħu xorta madwar 65 fil-mija tat-total tal-klijenti. Hawnhekk fil-Belt Valletta li huwa l-aktar stabbiliment riċenti għad m’għandniex stastistika biżżejjed imma jidher li xorta l-lokal jibqa’ s-sinsla”. Iddikjara dan ma’ L-Orizzont id-Direttur Maniġerjali ta’ One80 Group Rouvin Zammit Apap meta mistoqsi dwar il-bilanċ bejn il-lokal u t-turist fejn jidħlu l-klijenti.

Mistoqsi dwar il-bilanċ bejn il-kwalità u l-kwantità fejn jidħlu t-turisti li pajjiżna qiegħed jirnexxilu jattira, Apap qalilna li għalih hija sitwazzjoni inkwetanti u li jekk ma nammettux li għandna problema u nibqgħu ngħaddsu rasna ġor-ramel se nkunu qegħdin nidħku bina nfusna. Filwaqt li qasam magħna esperjenzi bħal pereżempju fi żmien ta’ mewġa ta’ sħana li jkollok erba’ turisti li jagħmlu sagħtejn sħaħ bla ma jordnaw x’jixorbu, Apap qal li turist ta’ kwalità ma jagħmilx hekk. Skontu turist ta’ kwalità jaqla’ biżżejjed biex jiġi f’pajjiżna biex jaqta’ u jevità l-volum meta r-realtà llum hija li l-popolazzjoni hi li hi. Sostna li jeħtieġ li naħdmu fuq livell kollettiv biex intejbu l-infrastruttura tal-pajjiż għax biex nattiraw dawn it-turisti jeħtieġ li nżommu f’moħħna li nutli li jkollok l-aqwa lukandni għax dawn se jfittxu l-esperjenza fuq barra u barra hemm realtà li ma tistax taħbiha, għandek affarijiet li huma tajbin, imma għandek ukoll sitwazzjoni ta’ traffiku eċċessiv, problemi ta’ mmaniġjar tal-iskart minkejja kull tentattiv tal-gvern biex inaqqas l-irresponsabbilitajiet u sitwazzjonijiet oħra li xejn ma jgħinu.

Fejn jidħlu l-ħaddiema fl-industrija, inġenerali Apap qalilna li mhux impressjonat b’dak li qed jiġri f’pajjiżna. “Meta mmur l-Italja nippreferi li jservini Taljan, meta mmur Franza nixtieq li jservini Franċiż. Aħna, ibda mill-istabbilimenti tiegħi allaħares m’hawnx barranin għax kieku ma noperax. Nipprova nsib il-lokal u emminni mhix kwistjoni ta’ flus għax il-pagi huma tajbin. In-nies m’għadhomx iridu jagħmlu dan ix-xogħol. Qed nattiraw nies minn pajjiżi mhux ewropej, hawn minnhom tajbin imma ġejjin minn kulturi differenti u għalihom hija sfida biex jaddattaw”, kompla biex jgħid Apap.

Rigward il-klijenti Maltin li għadhom ibatu biex jitkellmu f’lingwa oħra li mhix il-Malti, Apap qalilna li għalkemm il-każi naqsu, għadek issib klijenti li anke sempliċiment biex jagħmlu booking jieħdu r-ruħ meta jisimgħu Malti. Mistoqsi rigward is-soluzzjonijiet x’jistgħu jkunu, Apap qalilna li jemmen li wasal iż-żmien li l-ħaddiema ma jibqgħux jiġu ntaxxati fuq l-overtime għax għandek nies tajbin li ntilfu mill-industrija li minħabba l-passjoni tagħhom kieku jitħajru jagħmlu part-time imma jaqtgħu qalbhom.

“Jiena eks student tal-ITS u kburi. Kif bniedem jgħidli li qiegħed l-ITS anke minkejja li jkun għad m’għandux esperjenza jiena nimpjegah xorta waħda għax naf li tiela’ f’passjoni. Jeħtieġ naħdmu biex nibdew nattiraw lura nies ġodda imma anke lil dawk li tlifna f’sitwazzjonijiet diffiċli bħalma kienet il-pandemija li rat persuni eċċellenti jibdlu s-settur minħabba diversi raġunijiet fosthom is-sigurtà”, tenna Apap.

Sport