Il-Marokkin li allegatament weġġa’ ħames persuni ħdejn il-Maxtura jingħata sentenza sospiża u multa ta’ €2,000

...jammetti li kien fil-Pjazza Ta’ Sannat fil-11.20pm meta suppost kellu jkun id-dar fid-9.00pm

Aqra wkoll

Hassane Soutra, il-Marokkin ta’ 53 sena residenti Marsalforn, ammetta quddiem il-Maġistrat Monica Vella li nhar il-Ħadd li għadda kien kiser waħda mill-kundizzjonijiet imposti fuqu biex ingħata l-ħelsien mill-arrest dwar il-każ li kien seħħ quddiem il-Maxtura fi Triq ta’ Marsalforn.

Il-Maġistrat Monica Vella wara li tagħtu ċans jikkonsidra l-ammissjoni tiegħu, ikkundannatu sitt xhur ħabs sospiżi għal 18-il xahar u multa ta’ €2,000.

Il-Marokkin, jinsab mixli li f’Diċembru li għadda meta kien taħt l-influwenza tal-alkoħol saq bi traskuraġni u hekk kif wasal quddiem il-Maxtura fi Triq ta’ Marsalforn allegatamet tajjar ħames persuni fosthom raġel ta’ 22 sena li għamel żmien fil-periklu tal-mewt.

Dakinhar li kien tressaq il-Qorti, il-Prosekuzzjoni kienet qalet li l-livell tal-alkoħol tiegħu kien ta’ 105 milligrammi, kważi ħames darbiet il-limitu ta’ 22 milligramma stabbilit mil-liġi. Soutra qiegħed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi kontrih.

Jirriżulta li nhar il-Ħadd li għadda għall-ħabta tal-11.20pm, Soutra ntlemaħ fil-festa Ta’ Sannat. Kien hawn li l-Ispettur Keith Xerri avviċinah fejn informah li kien taħt arrest minħabba li kien qiegħed jikser waħda mill-kundizzjonijiet imposti fuqu biex ingħata l-ħelsien mill-arrest.

L-Ispettur Keith Xerri mexxa l-prosekuzzjoni filwaqt li Dr Delilah Vella u Dr Anthea Bonnici Zammit mexxew id-difiża.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport