Miroslava Milenovic hija ‘l bogħod ħafna milli tkun meqjusa li hija ‘accountant’. Qal dan fil-Qorti lbieraħ l-eks Segretarju tal-Board tal-accountancy Martin Spiteri meta quddiem il-Maġistrat Franco Agius kompliet tinstema’ t-talba tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat sabiex tkun riveduta deċiżjoni tal-Kummissarju tal-Pulizija li ma jipproċedix kontra Milenovic, li eżerċitat il-professjoni tagħha ta’ ‘accountant’ f’pajjiżna, meta ma kellhiex warrant.
Fix-xhieda tiegħu, Spiteri kkonferma li sabiex persuna tkun tista’ taħdem bħala ‘forensic accountant’, l-ewwel trid tkun ‘accountant’. Il-Maġistrat Gabriella Vella fis-sena 2019 kienet ħatret lil Milenovic bħala ‘forensic accountant’ fl-inkjesta Vitals iżda eventwalment fil-Qorti kien sar magħruf li hija la għandha warrant ta’ ‘accountant’ u lanqas għandha l-kwalifiċi ta’ ‘accountant’.
L-eks Segretarju tal-Board tal-Accountancy spjega lill-Qorti li huwa ivverifika l-kwalifiċi li Milenovic ippreżentat lill-Pulizija, tlett darbiet permezz ta’ sistema li jħaddmu l-Association of Chartered Certified Accountants (ACCA). Spiteri qal li huwa iċċekja l-validità tal-kwalifiċi li Milenovic qalet li kellha fl-1996, fis-sena 2000 u s-sena l-oħra. Minn dan kollu rriżulta li minn 13 – il ezami li l-ACCA tgħid li persuna trid tkun għaddiet minnhom sabiex tkun tista’ taħdem bħala ‘accountant’, hija għaddiet biss minn 4.
Dwar laqgħa li kellu mal-Pulizija f’Settembru tas-sena 2025 fejn tqajjem il-punt dwar id-differenza bejn ‘accountant’ u ‘forensic accountant’, Spiteri qal li dak iż-żmien huwa ma setax jagħti tweġiba formali għax il-Board tal-Accountancy ma kienx kostitwit.
Fis-seduta tal-bieraħ xehed ukoll l-Assistent Kummissarju Keith Arnaud li qal li huwa flimkien mal-iSpettur Joseph Mercieca kienu iltaqgħu ma’ Martin Spiteri u kien ġie indikat lilhom li ‘forensic accountant’ mhux regolat bil-liġi.
L-avukat ta’ Dr Muscat, Vince Galea ġibed l-attenzjoni tal-Assistent Kummissarju għax-xhieda taċ-Chairman tal-Accountancy Board Edgar Borg li iktar kmieni dax-xahar fil-Qorti kien ukoll qal li sabiex persuna tkun tista’ tgħid li hija ‘forensic accountant’, fl-ewwel post trid tkun ‘accountant’ u jrid ikollha warrant. Arnaud qal li huwa ma kienx konxju ta’ dan waqt li żied li kieku l-Pulizija kellha quddiemha dikjarazzjoni bħal din, il-konklużjoni setgħet kienet differenti.
Fil-bidu tas-seduta, l-avukat Yorgen Vella mill-Korp tal-Pulizija talab biex jitilgħu jixhdu l-Imħallef Aaron Bugeja u l-Maġistrat Gabriella Vella. L-avukat Galea qal li l-inkjesti huma sigrieti u l-ġudikanti jitkellmu bid-digrieti tagħhom.
Il-Maġistrat Franco Agius qal li dwar din it-talba kien se jagħti d-deċiżjoni tiegħu iktar tard. Eventwlament huwa ma laqax it-talba tal-avukat Vella għax qal li l-mertu tal-proċeduri li kellu quddiemu ma kinux jirrigwardaw il-ħatra ta’ Milenovic iżda l-allegazzjoni li hija kisret jew qed tikser il-liġi Maltija.
