Waqt li kien qiegħed jiġi intervistat fuq l-aġenzija tal-aħbarijiet internazzjonali Al Jazeera, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, Chris Fearne saħaq li l-immigrazzjoni fil-Mediterran mhix problema ta’ pajjiż wieħed, iżda hija ta’ diversi pajjiżi u teħtieġ azzjoni b’saħħitha mill-Unjoni Ewropea.
Il-Ministru Fearne li kien qiegħed jiġi intervistat mill-ġurnalist Adrian Finighan fuq il-programm ‘Talk to Al Jazeera’ saħaq li l-pajjiżi Ewropej iridu jaħdmu flimkien u jkunu dejjem ippreparati għal kull eventwalità u mhux biss meta tinqala’ kriżi, kif seħħ fl-aħħar jiem f’territorju Spanjol.
Fl-istess intervista, il-Minsitru qal li pajjiżna kellu tnaqqis qawwi fil-wasliet ta’ persuni li jipprovaw jidħlu b’mod irregolari l-aktar li jkunu ġejjin mill-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq. Saħaq li fl-2019 kellu numru għoli ta’ wasliet filwaqt li issa dak naqas b’madwar 90%.
Minkejja li ppreżenta dawk in-numru, il-Ministru saħaq li s-sitwazzjoni tista’ terġa’ tinbidel mil-lum għal għada u l-wasliet f’pajjiżna jerġgħu jiżdiedu.
Fearne qal li matul diversi snin, Malta salvat madwar 30,000 persuna fil-Mediterran u dawn hekk kif kienu qegħdin jivvjaġġaw fuq dgħajjes ħafna drabi żgħar.
Il-Ministru Fearne tenna li l-Unjoni Ewropea għandha taħdem aktar mal-pajjiżi tat-Tramuntana tal-Afrika biex jinħolqu opportunitajiet, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ, ħalli jkunu jistgħu jibnu futur f’pajjiżhom stess u ma jkollhomx għalxiex jagħmlu vjaġġi perikolużi lejn l-Ewropa.
Waqt l-istess programm, il-ġurnalist staqsa lill-Ministru dwar id-dipendenza tal-ekonomija Maltija fuq ħaddiema barranin, il-Ministru qal li l-ekonomija teħtieġ il-barranin f’setturi speċifiċi, għalkemm saħaq fuq l-importanza li dawn jaslu b’mezzi legali u regolati.
Hu ddeskriva l-Mediterran bħala “pont, mhux fruntiera”, u qal li dan m’għandux jitqies bħala linja li tifred lill-Ewropa mill-Afrika, iżda bħala spazju li jgħaqqad iż-żewġ kontinenti.
Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin qal li Malta, bħala pajjiż Ewropew u Mediterranju, għandha interess li jkun hemm aktar “stabbiltà, sigurtà u prosperità” fir-reġjun.
Enfasizza li s-soluzzjoni għall-immigrazzjoni ma tistax tkun ibbażata biss fuq l-għeluq tal-fruntieri, iżda b’aktar opportunitajiet u stabbiltà fil-pajjiżi tal-oriġini biex in-nies ikunu jistgħu jaraw futur għalihom u għall-familji tagħhom f’arthom stess.
Lil hinn mill-immigrazzjoni, il-Ministru Fearne tenna l-appoġġ ta’ Malta għal soluzzjoni ta’ żewġ stati bejn Iżrael u l-Palestina, għall-appoġġ Ewropew kontinwu lill-Ukrajna u għall-isforzi biex il-Libja timxi lejn elezzjonijiet li jġibu l-għaqda fil-pajjiż.

