Is-seduta kienet iddominata minn argumenti dwar il-limiti tax-xhieda tal-Ispettur Sean Friggieri, bil-Qorti tordna lill-ġurati jinjoraw dak li kien qal s’issa u tħallih ikompli biss fuq dokumenti diġà esebiti.
Investigazzjoni dwar leaks, relazzjoni mill-qrib bejn Fenech u Schembri u xhieda limitata mill-Qorti: hekk żvolġiet is-seduta s’issa
L-Ispettur Sean Friggieri qal li minn materjal diġitali analizzat mill-Pulizija kienet ħarġet stampa ta’ “relazzjoni mill-qrib” bejn Yorgen Fenech u Keith Schembri, hekk kif is-seduta tal-lum kienet iddominata minn argumenti legali dwar sa fejn seta’ jasal fix-xhieda tiegħu.
Friggieri, li ilu snin jaħdem fil-Financial Crimes Investigation Department, qal li sar jaf b’Yorgen Fenech lejlet l-arrest tiegħu u li sa dak il-punt qatt ma kien involut f’investigazzjoni fejn Fenech kien suspettat jew ilmentatur. Madwar xahar wara, f’Diċembru 2019, qal li ġie kkuntattjat mill-Assistent Kummissarju Ian Abdilla dwar ilment kriminali mressaq mill-familja ta’ Daphne Caruana Galizia.
Dak l-ilment kien marbut ma’ informazzjoni li kienet ħarġet fil-Qorti wara l-arrest ta’ Fenech, b’indikazzjonijiet li informazzjoni uffiċjali setgħet kienet qed tasal għandu permezz ta’ Keith Schembri, dak iż-żmien Chief of Staff tal-Prim Ministru Joseph Muscat. Friggieri qal li l-investigaturi bdew jgħarblu apparat u materjal diġitali li kien jinkludi laptops u mobile misjuba fil-kaxxa tal-ġelat ta’ Melvin Theuma. Huwa ddeskriva dik il-kaxxa bħala “Pandora’s box”, minħabba l-volum ta’ chats, recordings, telefonati u materjal ieħor li kien hemm fiha.
Skont ix-xhud, sa Frar 2020 kienet ittieħdet id-deċiżjoni li tinfetaħ investigazzjoni formali fuq il-querela, fost oħrajn għax mill-materjal analizzat kienet qed toħroġ relazzjoni mill-qrib bejn Fenech u Schembri. Friggieri qal li l-informazzjoni kienet mifruxa u mħallta, u għalhekk wieħed mill-ewwel passi kien li tinġabar u tiġi organizzata. Fost l-evidenza kien hemm chats fuq WhatsApp u Signal, kif ukoll telefonati. Iżda proprju hawn bdiet sensiela ta’ oġġezzjonijiet mid-Difiża.
Meta Friggieri beda jirreferi għal chats bejn Raymond Aquilina u Yorgen Fenech, l-avukati tad-Difiża sostnew li l-Prosekuzzjoni kienet qed tmur lil hinn minn dak li l-Qorti kienet diġà ddeċidiet dwar il-limiti tax-xhieda. Il-ġurati ntalbu joħorġu mill-awla aktar minn darba hekk kif il-partijiet argumentaw dwar x’jista’ u ma jistax jingħad. L-avukat Charles Mercieca sostna li Friggieri ma kienx fuq il-lista tax-xhieda għall-ġuri u li kien qed jiġi mistoqsi fuq materji li, skont id-Difiża, qatt ma kien xehed dwarhom fil-kumpilazzjoni. Mercieca talab biex Friggieri jitwaqqaf milli jkompli jixhed u biex il-ġurati jiġu diretti jinjoraw dak li kienu semgħu mingħandu sa dak il-punt.
Huwa ddeskriva s-sottomissjonijiet tal-Prosekuzzjoni bħala “opportunisti u żleali”. Il-Prosekuzzjoni, min-naħa tagħha, insistiet li Friggieri kien diġà xehed fil-kumpilazzjoni u li d-dokumenti rilevanti kienu ġew esebiti skont il-liġi. Sostniet ukoll li x-xhud ma setax jitqies bħala sorpriża għad-Difiża. Il-Qorti eventwalment ħalliet lil Friggieri jkompli jixhed, iżda imponiet limiti stretti. L-Imħallef Edwina Grima qalet li għandu jgħid “xejn aktar u xejn inqas” minn dak li kien diġà xehed fil-proċeduri preċedenti u minn dak li jirriżulta mid-dokumenti li kien esebixxa.
Il-Qorti qalet ukoll li Friggieri ma jistax jagħti rakkont ġdid dwar kif mexxa l-investigazzjoni jew dwar fatti oħra li ma kinux diġà fl-atti. Meta l-ġurati reġgħu daħlu fl-awla, l-Imħallef tathom direzzjoni ċara biex jinjoraw ix-xhieda li Friggieri kien ta sa dak il-ħin u jqisu li x-xhieda tiegħu kienet qed tibda minn dak il-mument. Minn hemm ’il quddiem, il-Prosekuzzjoni bdiet tiffoka fuq dokumenti speċifiċi.
Wieħed minnhom kien dokument misjub fil-kaxxa tal-ġelat ta’ Theuma. Wara oġġezzjoni oħra mid-Difiża, il-Qorti ordnat lill-Prosekuzzjoni biex taqra biss il-partijiet rilevanti mix-xhieda preċedenti ta’ Friggieri u titolbu jikkonfermahom. Friggieri mbagħad esebixxa dokument ieħor li kien jinkludi chats bejn Yorgen Fenech u persuna ssejvjata fil-mobile bħala “K”. Is-seduta għalhekk kompliet bejn żewġ binarji paralleli: minn naħa, il-Prosekuzzjoni tipprova ddaħħal fil-kuntest il-materjal diġitali li nġabar fl-investigazzjoni; min-naħa l-oħra, id-Difiża tagħfas biex kull referenza tibqa’ strettament marbuta mal-evidenza diġà esebita u max-xhieda li kienet ingħatat qabel.
L-iktar punt li spikka s’issa mix-xhieda ta’ Friggieri jibqa’ dak li, skontu, mill-materjal analizzat kienet ħarġet “relazzjoni mill-qrib” bejn Yorgen Fenech u Keith Schembri.

