Friday, May 3, 2024

IL-MEKKANIŻMU ADDIZZJONALI … AKTAR GĦAJNUNA LIL MIN JIFLAĦ L-INQAS

Aqra wkoll

Hekk kif ninsabu fl-aktar żminijiet delikati fejn id-dinja kollha qiegħda taffaċċja sfidi bla preċedent, il-gvern ilu għal dawn l-aħħar snin jiffoka fost affarijiet oħra fuq nefqa pubblika b’investiment soċjali li permezz tiegħu jara li dawk li jifilħu l-inqas jiġu megħjuna l-iżjed. 

Kien għalhekk li f’dawn l-aħħar snin iddiskuta dwar il-bżonn li jiddaħħal mekkaniżmu għal dan il-għan. Dan il-mekkaniżmu kellu jkun intiż biex jgħin lil dawk li għandhom bżonn l-aktar għajnuna fosthom dawk bi dħul baxx. Lil dawk li l-aġġustament tal-COLA ma jkunx biżżejjed għalihom biex ilaħħqu mal-bżonnijiet ta’ kuljum.Hawn qed nirreferu għall-mekkaniżmu addizzjonali tal-COLA li issa għandna konferma li jinsab biss ftit jiem milli jibda jitħaddem. Il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana fl-aħħar sigħat spjega tajjeb ħafna dwar kif ġie maħdum dan il-mekkaniżmu u li mingħajru ma setgħetx tingħata l-għajnuna meħtieġa minħabba li reviżjoni fil-COLA kienet tirrikjedi qbil bejn l-unjins, min iħaddem u gvern li flimkien jiffurmaw l-MCESD.  

Iċ-ċifri issa huma aktar ċari. Il-mekkaniżmu addizjonali mistenni jgħin mal-68,500 persuna li huma mifruxin fuq madwar 45,000 familja. Fi spjegazzjoni dettaljata mill-Ministru Caruana, ntqal ukoll li dan il-mekkaniżmu huwa wieħed bbażat fuq ix-xjenza u t-teknoloġija u li l-bażi tiegħu hija l-għajnuna minima ta’ €200. Din l-għajnuna titla’ sa €643 skont id-dħul tal-familji konċernati. Barra minn hekk, il-Ministru kien ċar li l-gvern iddiskuta u tejjeb il-mekkaniżmu fuq is-suġġerimenti li ġew imressqa lilu fosthom mill-imsieħba soċjali. Mhux biss, dan il-mekkaniżmu mhuwiex se jkun xi ħaġa ta’ darba. Din l-għajnuna se tkun qiegħda tingħata sena wara l-oħra bl-unika varjazzjoni tkun dik fl-għajnuna mogħtija li tista’ tiġi riveduta f’każi ta’ anomaliji bħalma hija sitwazzjoni ta’ żieda fl-inflazzjoni. Din hija konferma oħra ta’ kemm il-gvern huwa determinat li jibqa’ jgħin lil min jiflaħ l-inqas biex kemm jista’ jkun ħadd ma jitħalla jaqa’ lura.

Meta wieħed jara n-nefqa totali fil-qasam soċjali, isib li din se tkun qiegħda tlaħħaq iż-€2 biljun. Dan jixhed kemm il-budget 2023 tassew kellu qafas soċjalment b’saħħtu u li jaħseb f’kulħadd anke f’dawn iż-żminijiet diffiċli li għaddejjin minnhom. Nemmnu li l-Gvern għandu jkompli miexi f’din id-direzzjoni u jibqa’ sod anke quddiem l-isfida tal-inflazzjoni. Sfida li jeħtieġ tibqa’ tiġi indirizzata b’mod sostenibbli.

Sport