Ftit qabel nofs il-lejl, il-mexxejja Ewropej ħabru li kienu laħqu ftehim dwar minn se jkun qiegħed jokkupa l-ogħla karigi fl-istituzzjonijiet Ewropej.
Huma qablu li António Costa jkun President tal-Kunsill Ewropew, Kaja Kallas tkun ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Politika Barranija u ta’ Sigurtà filwaqt Ursula von der Leyen tibqa’ żomm il-kariga ta’ President tal-Kummissjoni Ewropea.
Huma qablu wkoll fuq l-Aġenda Strateġika 2024-2029 li tagħti d-direzzjoni tal-UE u wkoll il-miri tagħha għas-snin li ġejjin. Il-mexxejja qablu wkoll li jadottaw il-konklużjonijiet fuq l-Ukrajna, il-Lvant Nofsani, is-sigurtà, id-difiża, il-kompetittività, il-migrazzjoni u l-ġlieda kontra l-antisemitiżmu u r-razziżmu fost affarijiet oħra.