Il-Ministru Alison Zerafa Civelli tikkundanna r-rimi illegali tal-Iskart Goff

Aqra wkoll

Il-Ministru Alison Zerafa Civelli esprimiet id-diżapprovazzjoni tagħha dwar ir-rimi illegali ta’ skart goff fi spazji pubbliċi, filwaqt li saħqet li dan l-aġir huwa inaċċettabbli u juri nuqqas ta’ rispett lejn l-ambjent u l-komunità lokali.

Permezz ta’ post fuq il-midja soċjali l-Ministru enfasizzat l-impatt negattiv li jħalli r-rimi irresponsabbli tal-iskart, u fakkret li l-ispazji pubbliċi huma ta’ kulħadd u għandhom jiġu trattati b’attenzjoni u rispett.

Hija rringrazzjat ukoll lill-ħaddiema tad-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni għall-ħidma tagħhom fit-tneħħija tal-iskart li ġie mormi illegalment, kif ukoll għall-ħidma kontinwa tagħhom biex iżommu l-ispazji pubbliċi nodfa u f’kundizzjoni tajba.

Il-Ministru reġgħet saħqet li ż-żamma tal-indafa u l-ħarsien tal-ambjent huma responsabbiltà kollettiva u li kull wieħed u waħda minna għandu rwol x’jaqdi fil-protezzjoni tal-madwar tagħna.

Ir-rimi illegali tal-iskart mhux biss ikerrah il-lokalitajiet tagħna, iżda joħloq ukoll problemi ambjentali u ta’ iġjene pubblika. Għaldaqstant, ir-residenti huma mħeġġa jagħmlu użu mis-servizzi u l-faċilitajiet disponibbli għar-rimi xieraq tal-iskart goff.

“L-indafa hija responsabbiltà ta’ kulħadd u r-rimi illegali tal-iskart ma jistax u m’għandux jiġi ttollerat,” qalet il-Ministru Alison Zerafa Civelli.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport