Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel Anton Refalo indirizza ċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-Kungress Dinji taż-Żejt taż-Żebbuġa (Olive Oil World Congress) f’Lisbona, il-Portugall. Dan il-kungress ġabar flimkien ministri, riċerkaturi, xjenzati, produtturi, rappreżentanti tal-industrija u dawk li jfasslu l-politika minn madwar id-dinja sabiex jiddiskutu l-futur tas-settur taż-żejt taż-żebbuġa.
Matul il-kungress ġew indirizzati suġġetti ewlenin bħall-użu tat-teknoloġija u l-intelliġenza artifiċjali fl-agrikoltura, l-adattament għall-bidla fil-klima, il-konservazzjoni tal-bijodiversità, il-kwalità u l-awtentiċità taż-żejt taż-żebbuġa, il-benefiċċji tiegħu għas-saħħa, kif ukoll il-kummerċjalizzazzjoni u l-promozzjoni tiegħu fis-swieq internazzjonali. Il-programm inkluda wkoll sessjonijiet dwar il-biedja intelliġenti, il-ġenetika taż-żebbuġ, il-proċessi moderni tal-produzzjoni u l-prattiki sostenibbli għall-futur tas-settur.
Fl-indirizz tiegħu, il-Ministru Refalo enfasizza l-wirt ta’ Malta fil-kultivazzjoni taż-żebbuġ u qal li pajjiżna qed jesperjenza tiġdid fis-settur permezz ta’ investiment fil-kwalità, is-sostenibbiltà u l-innovazzjoni.
Huwa sostna li l-isfidi bħall-bidla fil-klima u l-iskarsezza tal-ilma jeħtieġu aktar investiment fir-riċerka u f’prattiki agrikoli reżiljenti, filwaqt li enfasizza l-importanza tal-kollaborazzjoni internazzjonali biex jinqasmu l-għarfien u l-aħjar prattiki.
Il-ministru tenna wkoll l-impenn tal-Gvern Malti li jkompli jappoġġja lis-settur agrikolu permezz ta’ politiki li jsaħħu l-kwalità, l-awtentiċità u s-sostenibbiltà tal-produzzjoni.
“Iż-żejt taż-żebbuġa huwa aktar minn prodott agrikolu. Huwa simbolu tal-identità u tal-istil ta’ ħajja Mediterranju, u rridu nkomplu naħdmu flimkien biex niżguraw futur b’saħħtu u sostenibbli għal dan is-settur”, temm jgħid il-Ministru Refalo.


