Thursday, December 19, 2024

Il-Ministru Byron Camilleri f’laqgħat mas-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, il-Kardinal Pietro Parolin, u l-Kardinal Mario Grech

Aqra wkoll

F’Ruma, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri kellu laqgħa bilaterali mas-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, il-Kardinal Pietro Parolin. Laqgħa li matulha ġew diskussi diversi materji li jirrelataw maż-żewġ stati.  Il-ministru qal li Malta ser tkun qiegħda tipparteċipa fil-Ġublew tal-Pellegrini tat-Tama 2025, bil-ħsieb li jkun hemm il-preżenza ta’ numru ta’ priġunieri, bħalha parti mir-riabilitazzjoni tagħhom. Dan hekk kif wieħed mill-avvenimenti tal-Ġublew f’Ruma, ser ikun iddedikat għall-priġunieri minn madwar id-dinja. 

B’dan l-impenn, jirrifletti wkoll il-ħidma li qed twettaq l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi, b’mod partikolari b’rabta mas-saħħa mentali tal-priġunieri, u programmi ta’ riabilitazzjoni u integrazzjoni. Dan mhux biss bi ftehimiet ma’ NGOs fis-settur tar-riabilitazzjoni, iżda anke bil-ftuħ ta’ halfway houses, bit-tielet waħda u l-ewwel waħda għan-nisa tiftaħ fiż-żmien li ġej. Dan flimkien ma’ ingaġġ ta’ professjonisti u care plan għal kull individwu, fost oħrajn. 

Biż-żewġ naħat qablu favur aktar ħidma kollaborattiva għall-ġid taċ-ċittadini. L-istess impenn ġie maqbul bejn il-Ministru Byron Camilleri u l-Kardinal Malti Mario Grech, f’laqgħa li kellhom f’Ruma. Matul id-diskussjoni li kellhom sostnew l-importanza li r-relazzjoni bejn Malta u l-Vatikan tkompli tissaħħaħ. Dan fost oħrajn fuq temi ta’ interess komuni, bħal ma hi l-ħidma favur il-paċi.

Il-Ministru Byron Camilleri kien akkumpanjat mill-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Istat tal-Vatikan Frank Zammit u l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà. Fost impenji oħra, id-delegazzjoni Maltija kellha wkoll udjenza ġenerali mal-Papa Franġisku, fejn il-banda tal-Korp tal-Pulizija daqqet għal dan l-avveniment mill-isbaħ.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport