Thursday, April 25, 2024

Il-Ministru Evarist Bartolo favur metodi ġodda biex jinkiser l-impass politiku attwali fil-Libja

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo sejjaħ għal metodi ġodda biex jinkiser l-impass politiku attwali fil-Libja, fin-nuqqas ta’ kostituzzjoni fil-pajjiż u wara l-posponiment tal-elezzjonijiet, li kellhom isiru fl-24 ta’ Diċembru 2021. Is-soluzzjoni għall-kunflitt Libjan tinsab f’idejn il-Libjani nfushom u jekk jinżamm l-approċċ attwali, essenzjalment iwassal għall-istess riżultati, qal il-Ministru Bartolo matul il-Laqgħa tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin fi Brussell.

Il-Kunsill ddiskuta primarjament l-iżviluppi fis-Sirja u fil-Libja, is-sitwazzjoni fuq il-fruntiera bejn ir-Russja u l-Ukrajna, kif ukoll kwistjonijiet oħra ta’ ġrajjiet kurrenti, partikolarment il-Mali u s-Sudan.

Il-Ministru Bartolo enfasizza l-importanza tas-sigurtà interna fil-Libja li trid tiġi kkunsidrata meta jiġi indirizzat il-kunflitt kollu Libjan. Is-sigurtà interna Libjana hija ta’ prijorità assoluta, peress li n-nuqqas tagħha se jaffettwa b’mod negattiv l-istabbiltà fit-tul tal-Libja.

Il-pajjiżi ġirien tal-Libja għandhom ikunu involuti wkoll fil-proċess, partikolarment l-Unjoni Afrikana, peress li l-kwistjonijiet ta’ sigurtà jistgħu jinfirxu f’pajjiżi ġirien oħra, partikolarment dawk il-pajjiżi fir-reġjun tas-Saħel.

Dwar il-kwistjoni tal-fruntiera bejn ir-Russja u l-Ukrajna, il-ministri għall-affarijiet barranin fakkru fl-importanza li jitkompla d-djalogu u li tittieħed it-triq diplomatika biex tissaħħaħ is-sigurtà kollettiva, filwaqt li tennew li huma lesti li jdaħħlu l-miżuri meħtieġa jekk is-sitwazzjoni tmur għall-agħar. Il-Kunsill kellu wkoll skambju ta’ fehmiet mas-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti Antony Blinken dwar il-kwistjoni.

Fi Brussell il-Ministru Bartolo ltaqa’ wkoll mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Kuwajt Sheikh Dr Ahmad Nasser Al-Mohammed Al-Sabah. Iż-żewġ ministri ddiskutew it-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn Malta u l-Kuwajt f’diversi setturi kif ukoll kwistjonijiet ekonomiċi u ta’ sigurtà  fil-Mediterran, fil-Golf Għarbi, u fl-Afrika.

Sport