Wednesday, April 24, 2024

PN: Abela wera disprezz sfaċċat billi ħatar lil Cutajar tmexxi l-kumitat parlamentari dwar is-saħħa

Aqra wkoll

Il-Partit Nazzjonalista iddikjara li mhux se jkun qed jipparteċipa fil-kumitat immexxi minn Rosianne Cutajar.

Fi stqarrija, il-PN qal li ma kien hemm l-ebda qbil bejn il-gvern u l-oppożizzjoni biex Rosianne Cutajar tinħatar biex tmexxi l-kumitat parlamentari dwar is-saħħa. Fi kliem il-PN, din kienet mozzjoni li l-gvern ressaq bil-moħbi.

Il-PN qal: “Robert Abela wera disprezz sfaċċat lejn l-istituzzjonijiet billi ħatar lil Rosianne Cutajar wara li aktar qabel kienet imġiegħla tirriżenja mill-kariga tagħha fil-Kabinett. Dan juri x’għandna nistennew jekk Robert Abela jirbaħ l-elezzjoni li jmiss.”

Il-Partit Nazzjonalista tenna l-pożizzjoni tiegħu li Rosianne Cutajar mhix tajba għal kariga pubblika u m’għandhiex tiġi promossa għal irwol bħal dan, anke jekk għad fadal biss ftit ġimgħat għall-elezzjoni ġenerali.

Il-Partit Nazzjonalista qal li mhux se jkun qed jipparteċipa fil-kumitat immexxi minn Rosianne Cutajar, li fi kliemu mhix kwalifikata għal din il-kariga.

Il-Partit Nazzjonalista temm jgħid li “se jibqa’ ffukat ukoll biex jaħdem bis-sħiħ biex idaħħal fis-seħħ 12-il Abbozz ta’ Liġi bla preċedent li jiġġieldu l-korruzzjoni, il-kriminalità finanzjarja u l-mafja biex ħadd mill-gvern Laburista ma jaħrab il-ġustizzja.”

Sport