Wednesday, April 24, 2024

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-MUT jaqblu dwar l-importanza tad-djalogu

Aqra wkoll

“Is-settur edukattiv jimxi ’l quddiem jekk ikun hemm ħidma mibnija fuq djalogu u diskussjoni bejn dawk kollha involuti, mhux l-inqas ir-rappreżentanti tal-edukaturi, biex intejbu l-ħidma f’dan is-settur flimkien”, qal il-Ministru għall-Edukazzjoni u Sport Clifton Grima waqt żjara uffiċjali lill-Malta Union of Teachers.

Fil-kwartieri tal-union, il-Ħamrun, il-Ministru Grima kien milqugħ mill-President tal-MUT Marco Bonnici u uffiċjali oħra. Matul iż-żjara l-Ministru Grima ltaqa’ mal-Kunsill tal-union u filwaqt li indirizza l-membri tal-kunsill, kellu wkoll diskussjoni magħhom dwar suġġetti marbuta mas-settur edukattiv, u dwar l-importanza tal-kollaborazzjoni biex l-edukazzjoni f’pajjiżna tibqa’ tkun waħda tal-ogħla kwalità.

F’laqgħa pożittiva u kordjali, il-Ministru Grima enfasizza li minkejja l-isfidi li jinqalgħu minn żmien għal żmien, ħidma flimkien twassal biex dawn l-isfidi jingħelbu.

“Dan is-settur huwa kruċjali, mhux biss għaliex huwa settur li jiġbor fi ħdanu lil uliedna, imma wkoll huwa l-pedament tas-soċjetà tagħna. Huwa għalhekk li l-ħidma tajba tiġi jekk naħdmu id f’id biex niksbu r-riżultati permezz tad-djalogu mal-imsieħba soċjali. Fost dawn hemm l-edukaturi u għalhekk din kienet laqgħa importanti mar-rappreżentanti tagħhom”, qal il-Ministru għall-Edukazzjoni u Sport.

Dwar l-ewwel laqgħa tal-Ministru Grima mal-Kunsill, il-President tal-MUT Marco Bonnici qal, “Din kienet laqgħa importanti tal-Ministru l-ġdid għall-edukazzjoni mal-Kunsill, li huwa l-ogħla istituzzjoni fl-MUT u għalhekk kien essenzjali li jkun hemm djalogu. Aħna nemmnu ħafna li jekk ma tiddiskutix ma tistax issolvi. Sfidi se jkun hemm, imma bid-djalogu ngħelbuhom ukoll”.

Sport