Il-kittieb Joseph A Cachia ħareġ ir-raba’ ktieb tiegħu bi stejjer tal-biża’ bl-isem ta’ Il-Misħut Qattus. F’dawn it-12-il storja tal-biża’ l-qarrej jidħol f’dinja fejn il-kurżità, is-sigrieti tal-imgħoddi u l-ħażen moħbi jiltaqgħu flimkien.
Il-kittieb fid-daħla tal-ktieb jgħid li l-biza’ veru hu dak li meta fid-dlam tħoss nifs ma’ wiċċek u tixgħel id-dawl ma ssib lil ħadd ħdejk. Hekk hu, għax il-biża’ jinħoloq minn dak li ma tafx x’inhu, minn dak li ma tistenniex u minn dak li taħseb li hi xi ħaġa sabiħa u ssib xi ħaġa li ma kontx tistenna, imma zgur mhix sorpriza sabiħa.
Dak li jidher bħala logħob tat-tfal jew ġrajja ordinarja jista’ jinbidel malajr f’esperjenza tal-biża’ li tibqa’ tħalli marka għal ħajtek kollha. Minn djar imwaqqgħin li jaħbu misteri antiki sa laqgħat ma’ affarijiet li m’għandhomx ikunu fid-dinja tagħna, kull storja f’Il-Misħut Qattus tiftaħ bieb lejn l-inspjegabbli.
Il-ġrajjiet huma rakkuntati minn perspettiva umana u qrib il-qarrej fejn il-biża’ ma joħroġx biss mill-ħlejjaq jew mill-għeġubijiet, iżda wkoll mill-għażliet tan-nies u mill-konsegwenzi tagħhom. F’dawn il-paġni tal ktieb f’Il-Misħut Qattus issib tfal li jersqu wisq qrib ta’postijiet misħuta, sigrieti midfuna fis-skiet sakemm xi ħadd jinqabad fihom.
Il-Misħut Qattus —Stejjer tal-Biża’, pubblikazzjoni tal-BDL, hija ġabra li tħallik taqra b’qalbek tħabbat. Kull storja tibni tensjoni li tiżdied paġna wara paġna sakemm il-qarrej jibda jistaqsi: x’jiġri meta l-leġġendi u l-biżgħat li konna nisimgħu dwarhom bħala tfal forsi ma kinux empliċiment stejjer?
It-tliet kotba tal-biza’ l-oħra ta’ Joseph A Cachia huma Id-Deffien taċ-Ċimiterju (1923), Ara Ġejja l-Mewt Għalik (1924) u L-Imxajtna (1925).