Home Aħbarijiet Lokali IL-BOV ISAĦĦAĦ IL-FERGĦAT GĦAL AKTAR KONVENJENZA GĦALL-KLIJENTI

IL-BOV ISAĦĦAĦ IL-FERGĦAT GĦAL AKTAR KONVENJENZA GĦALL-KLIJENTI

0
IL-BOV ISAĦĦAĦ IL-FERGĦAT GĦAL AKTAR KONVENJENZA GĦALL-KLIJENTI

Titjib fil-fergħat, ħinijiet ta’ servizz aġġornati u għodod diġitali jsarrfu f’għażla usà għall-klijenti

Il-Bank of Valletta qed ikompli jinvesti fin-network tal-fergħat tiegħu biex jagħti lill-klijenti aċċess aktar faċli għas-servizzi bankarji li jeħtieġu, kemm jekk fil-fergħa, permezz ta’ għażliet ta’ self-service, jew permezz ta’ mezzi diġitali.

Wieħed mill-aħħar titjib huwa t-tkabbir tal-Fergħa tal-BOV fir-Rabat. L-ispazju addizzjonali, li issa huwa kompletament operattiv, joffri ambjent aktar komdu kemm għall-klijenti kif ukoll għall-impjegati, filwaqt li jippermetti lill-fergħa tkompli tipprovdi servizz personali lill-komunità lokali.

Il-Bank reġa’ fetaħ ukoll il-Fergħa tal-Ħamrun wara xogħlijiet urġenti ta’ manutenzjoni. Il-fergħa reġgħet bdiet topera fit-22 ta’ Ġunju u issa tilqa’ lill-klijenti mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn it-8:30 ta’ filgħodu u s-1:30 ta’ waranofsinhar. Is-servizz tal-kaxxiera huwa disponibbli bejn it-8:30 u l-11:00 ta’ filgħodu, filwaqt li s-servizzi l-oħra kollha jibqgħu jingħataw b’appuntament.

F’Għawdex, is-servizz tal-kaxxiera fl-aġenziji tan-Nadur, tax-Xagħra u tax-Xewkija issa qed jingħata fi ġranet speċifiċi. Dawn l-arranġamenti aġġornati jirriflettu l-mod kif il-klijenti jużaw is-servizzi, filwaqt li jinżamm l-aċċess għal servizzi bankarji essenzjali madwar il-gżira.

F’kumment li ta dwar dawn l-iżviluppi, Geoffrey Ghigo, Head Personal Banking Channels fil-Bank of Valletta, qal, “Il-ħtiġijiet tal-klijenti qed jinbidlu, u aħna qed inwieġbu billi noffru aktar għażla. Nibqgħu impenjati li nżommu network b’saħħtu ta’ fergħat u aġenziji madwar Malta u Għawdex, filwaqt li nkomplu ninvestu wkoll f’soluzzjonijiet diġitali u ta’ self-service li ħafna klijenti issa jużaw għall-bżonnijiet bankarji ta’ kuljum.”

“L-għan tagħna huwa sempliċi: li nagħmlu l-użu tas-servizzi finanzjarji aktar faċli u konvenjenti. Uħud mill-klijenti jippreferu jżuru fergħa u jitkellmu ma’ wieħed mill-impjegati tagħna. Oħrajn jippreferu jużaw l- ATM, iħallsu b’card contactless jew jaqdu l-bżonnijiet bankarji tagħhom online. Irridu li l-klijenti jkollhom il-libertà jagħżlu skont il-preferenzi u ċ-ċirkostanzi tagħhom.”

Is-Sur Ghigo żied jgħid li l-aċċessibbiltà tibqa’ prijorità. Il-BOV ikompli joffri servizz bi prijorità lill-klijenti ta’ 60 sena jew aktar kull nhar ta’ Ġimgħa bejn it-8:15 u d-9:30 ta’ filgħodu fil-fergħat kollha tal-Bank, biex jgħin lill-anzjani u lill-klijenti vulnerabbli jagħmlu t-tranżazzjonijiet bankarji tagħhom b’aktar kumdità.

Illum il-klijenti jistgħu jagħżlu minn diversi mezzi, fosthom in-network estensiv tal-ATMs tal-BOV, l-internet u l-mobile banking, soluzzjonijiet ta’ pagamenti contactless, kif ukoll it-teknoloġija contactless fl-ATMs. Dawn is-servizzi jgħinu lill-klijenti jimmaniġġjaw il-bżonnijiet bankarji ta’ kuljum b’mod faċli u sigur, filwaqt li jippermettu lit-timijiet fil-fergħat jiddedikaw aktar ħin lil dawk li jkollhom bżonn appoġġ jew pariri finanzjarji.  

Dawn l-iżviluppi jiffurmaw parti mill-ħidma kontinwa tal-BOV biex ikompli jtejjeb in-network tal-fergħat tiegħu, billi jgħaqqad l-investiment fil-fergħat u l-aġenziji ma’ kapaċitajiet diġitali aktar b’saħħithom. B’dan il-mod, il-Bank qed jagħti lill-klijenti aktar flessibbiltà, aktar konvenjenza u aktar għażla, filwaqt li jżomm is-servizz personali li jibqa’ fil-qalba tar-relazzjoni tiegħu mal-klijenti.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here