Home Sport UCL: Vantaġġ doppju għal Floriana fuq Shamrock Rovers

UCL: Vantaġġ doppju għal Floriana fuq Shamrock Rovers

0
UCL: Vantaġġ doppju għal Floriana fuq Shamrock Rovers
Ritratti: Mark Mangion

Floriana ……………….2

Shamrock Rovers……0

Iċ-champions Floriana kellhom bidu perfett fl-ewwel round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Champions League wara li għelbu lil Shamrock Rovers 2-0.

Kienet wirja kollettiva mit-tim immexxi minn Daniel Portela li żamm kalm minkejja li l-pussess tal-ballun kien iktar favur it-tim Irlandiż.

Kif mistenni ċ-champions Irlandiżi bdew jiddominaw il-pussess filwaqt li Floriana bdew itellgħu diversi kontrattakki.

Fis-sitt minuta kien hemm freekick ta’ Matt Healy għal Shamrock li ma ħoloq l-ebda periklu partikolari.

Seba’ minuti wara kien Michael Noonan li kellu ċ-ċans jagħti daqqa ta’ ras wara cross ta’ Dylan Watts, bil-ballun li jispiċċa kemm kemm għoli.

L-ewwel azzjoni ta’ Floriana seħħet fil-21 minuta meta kien Robert Muric li kellu xutt li seta’ kien perikoluż b’Edward McGinty bejn il-lasti Irlandiżi jixħet għall-corner.

Fit-23 minuta, Myles Beerman  kellu ċ-ċans jikkontrolla l-ballun u ttanta xortih għal Floriana bil-ballun jispiċċa għoli.

Fl-40 minuta, kien Dylan Watts li tela’ biex jgħin lil sħabu u fajjar xutt b’saħħtu li d-difensuri Furjaniżi ma fdawx u xeħtu għall-corner.

U kontra x-xejra tal-logħob, kienu Floriana li marru minn fuq eżattament fil-ħin mogħti żejjed mir-referee. Kien l-aħħar akkwist tagħhom il-Kroat Robert Muric li avvanza tajjeb u wara li dar ma’ difensur fajjar xutt bomba li spiċċa fir-rokna tax-xibka sabiex jegħleb lil Edward McGinty.

Fit-tieni taqsima, Shamrock Rovers fetħu b’mod aggressiv fit-tentattiv li jġibu l-iskor indaqs u fid-49 minuta, kien Jack Byrne li kkrossja mil-lemin u kien hemm daqqa ta’ ras ta’ Dylan Watts li Guilherme Cioletti salva tajjeb.

Tliet minuti wara kien il-goalkeeper Furjaniż li reġa’ salva tajjeb tentattiv perikoluż ta’ Dylan Watts li bla dubju kien l-aħjar plejer għat-tim tiegħu.

Fid-59 minuta, żvolta fil-partita hekk kif Matthew Healy għal Shamrock Rovers ġie muri t-tieni karta safra (u għalhekk il-ħamra) wara foul ikrah fuq Dunstan Vella.

Issa li kienu qed jilagħbu bi player aktar, Floriana kibru fil-kunfidenza u fid-79 minuta kien il-goalkeeper McGinty li salva tajjeb minn fuq saqajn Mustapha Jah.

Proprju minuta wara l-Greens irduppjaw l-iskor hekk kif kien l-istess Jah li ħa vantaġġ minn rebound wara li xutt ta’ Federico Varela ġie milqugħ parzjalment minn McGinty u f’lasta prattikament vojta xeħet fix-xibka fost id-dellirju tal-partitarji ta’ Floriana preżenti fis-Centenary Stadium.

Mad-89 minuta, is-sostitut ta’ Shamrock Rovers Maleace Asamoah ġie mċaħħad mis-sodisfazzjon tal-gowl meta ra x-xutt tiegħu salvat minn fuq il-linja minn difensur Furjaniż.

Wara ħames minuti ta’ ħin mogħti żejjed, ir-referee saffar tmiem il-konfront bid-diriġenti ta’ Floriana f’dellirju ta’ ferħ wara rebħa ferm prestiġġjuża. Issa hemm bżonn sforz enormi fl-Irlanda sabiex jiġi miżmum dan ir-riżultat u eventwalment il-Greens jiksbu l-kwalifikazzjoni għal round ieħor ta’ din il-kompetizzjoni.

Floriana FC: Guilherme Cioletti, Myles Beerman, Kauan, Kenan Dervišagić (Ange Curtis N’Dri 71 min), Federico Varela, Robert Murić (Tomas Gudelj 81 min), Dunstan Vella (Chapi Romano 76 min), Alen Kurtalic, Owen Spiteri, Mustapha Jah (Zack Scerri 81 min), Carlo Zammit Lonardelli.

Coach: Daniel Portela

Shamrock Rovers FC: Edward McGinty, Enda Stevens, Lee Grace, Dylan Watts (John O’Sullivan 63 min), Matthew Healy, Graham Burke (Maleace Asamoah 75 min), Jake Mulraney (Luke O’Regan 63 min), Adam Brennan, Cory O’Sullivan, Jack Byrne, Michael Noonan (John McGovern 75 min).

Coach: Stephen Bradley

Referee: Benjamin Brand (Ġermanja).

Assistant Referees: Dominik Schaal, Thomas Stein (Ġermanja).

Ir-Raba’ Uffiċjal: Robin Braun (Ġermanja)

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here