Is-seba’ jum tal-ġuri ta’ Yorgen Fenech: Illum mistenni jintemm il-kontro-eżami ta’ Keith Arnaud

0
1

Wara ġurnata ta’ mistoqsijiet iffukati fuq Keith Schembri u Melvin Theuma, illum il-kontro-eżami tal-Assistent Kummissarju Keith Arnaud mistenni jasal fi tmiemu hekk kif il-ġuri jidħol f’fażi oħra tax-xhieda.

Il-proċeduri fil-ġuri ta’ Yorgen Fenech ikomplu llum fl-Awla 22, bis-seba’ jum tas-smigħ mistenni jkun iddominat mill-aħħar parti tal-kontro-eżami tal-Assistent Kummissarju Keith Arnaud.

Matul is-seduta tal-bieraħ, id-difiża ffukat il-mistoqsijiet tagħha fuq Keith Schembri, filwaqt li ppruvat tittestja diversi aspetti tal-investigazzjoni u tqajjem dubji dwar il-konklużjonijiet tal-Pulizija.

Fost l-oħrajn, il-Qorti semgħet lil Arnaud jikkonferma li Melvin Theuma kien qal lill-investigaturi li kien jibża’ minn Keith Schembri u li kien jemmen li seta’ joqtlu jew idaħħlu l-ħabs. Id-difiża qajmet ukoll mistoqsijiet dwar il-maħfra presidenzjali mogħtija lil Theuma, ir-recordings li għamel b’mod sigriet u diversi kuntatti li, skontha, kienu rilevanti għall-investigazzjoni.

Matul il-kontro-eżami tqajmu wkoll il-laqgħa bejn Edwin Brincat, magħruf bħala l-Ġojja, u l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar, it-tfittxijiet li saru fid-dar ta’ Keith Schembri u f’Kastilja, kif ukoll l-ittra li t-tabib Adrian Vella kien għadda lil Yorgen Fenech waqt li dan kien taħt arrest.

Il-ġurija semgħet ukoll mistoqsijiet dwar il-laptop ta’ Daphne Caruana Galizia, il-kredibbiltà ta’ Melvin Theuma u allegazzjonijiet oħra li d-difiża sostniet matul il-kontro-eżami, filwaqt li Arnaud ċaħad diversi minn dawk is-suġġerimenti u sostna l-verżjoni tal-investigazzjoni.
Illum il-proċeduri huma mistennija jkomplu fid-9.00am, bil-kontro-eżami ta’ Arnaud mistenni jintemm qabel il-ġuri jgħaddi għall-fażi li jmiss tax-xhieda.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here