Tuesday, July 7, 2026

L-ETUC tikteb lill-Kummissjoni Ewropea dwar theddida għad-drittijiet tat-trade unions f’Malta

Aqra wkoll

Il-General Workers’ Union illum tħabbar li l-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions (ETUC) kitbet uffiċjalment lil Roxana Minzatu, il-Viċi President Eżekuttiv tal-Kummissjoni Ewropea, fejn esprimiet tħassib serju dwar l-investigazzjoni kriminali ta’ uffiċjal tal-GWU talli eżerċita l-funzjonijiet leġittimi tiegħu bħala trejdunjonista.

L-ittra tal-ETUC, iffirmata mis-Segretarju Ġenerali Esther Lynch u mibgħuta lill-Kummissjoni llum, tistieden lill-Kummissjoni biex tqajjem din il-kwistjoni mal-awtoritajiet Maltin u biex tfittex assigurazzjoni li din ix-xorta ta’ ndħil fil-libertà ta’ assoċjazzjoni ma tiġix ripetuta f’Malta jew fi kwalunkwe pajjiż ieħor tal-UE, taż-ŻEE (Żona Ekonomika Ewropea), jew pajjiż kandidat.

Fid-29 ta’ Mejju 2026, f’jum is-silenzju elettorali, is-Segretarju tat-Taqsima Trasport, Marittima u Avjazzjoni tal-GWU kiteb lill-membri impjegati ma’ Resource Support and Services Ltd. (RSSL) biex jaġġornahom dwar l-istat tan-negozjati li hemm għaddejin dwar il-ftehim kollettiv. In-negozjati kienu għadhom ma ntemmewx. Il-GWU ma kinitx qablet mat-termini stabbiliti f’korrispondenza preċedenti li l-maniġment tal-kumpanija kien bagħat lill-ħaddiema. Diversi membri kienu kkuntattjaw lill-GWU direttament biex jitolbu kjarifika. Is-Segretarju tat-Taqsima weġibhom. Il-komunikazzjoni tiegħu kienet limitata kompletament għal kwistjonijiet ta’ xogħol u ma kien fiha l-ebda kontenut politiku ta’ ebda tip.

Wara kwerela mressqa mill-Kummissjoni Elettorali, is-Segretarju tat-Taqsima tpoġġa taħt investigazzjoni dwar allegat ksur ta’ jum is-silenzju elettorali. Sussegwentement, huwa ġie interrogat taħt twissija mid-Dipartiment għall-Investigazzjonijiet Kriminali (CID) tal-Korp tal-Pulizija ta’ Malta.

Il-GWU mill-ewwel ħarġet stqarrija pubblika biex tiddefendi l-aġir tas-Segretarju tat-Taqsima, innotifikat lill-ETUC, u kitbet lill-Bord dwar ir-Relazzjonijiet fl-Impjiegi (ERB) biex titlob diskussjoni b’urġenza.

Fit-2 ta’ Lulju 2026, il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta għalaq uffiċjalment l-investigazzjoni tiegħu u kkonferma li m’hemm l-ebda każ xi jwieġeb għalih.

Il-Kummissjoni Elettorali ma rtiratx l-ilment tagħha. Id-deċiżjoni li ma jitkomplewx il-proċeduri ttieħdet mill-pulizija fi tmiem investigazzjoni sħiħa.

Il-GWU laqgħet b’sodisfazzjon l-għeluq tal-investigazzjoni mill-pulizija. Dan l-eżitu kkonferma dak li l-union sostniet tul il-proċess kollu: li segretarju ta’ trade union li jaġġorna lill-membri dwar l-istat tal-ftehim kollettiv tagħhom ma jkun qed iwettaq l-ebda reat.

Madankollu, il-kwistjoni ta’ prinċipju li tinsab fil-bażi ta’ dan kollu għadha ma ġietx solvuta. Uffiċjal ta’ trade union kien soġġett għal investigazzjoni kriminali talli wettaq funzjoni rappreżentattiva ewlenija. Id-dritt li tikkomunika mal-membri dwar in-negozjar kollettiv huwa protett taħt il-Konvenzjoni Nru 87 tal-ILO dwar il-Libertà ta’ Assoċjazzjoni u l-Protezzjoni tad-Dritt għall-Organizzazzjoni, il-Konvenzjoni Nru 98 tal-ILO dwar id-Dritt għall-Organizzazzjoni u n-Negozjar Kollettiv, u l-Konvenzjoni Nru 135 tal-ILO dwar ir-Rappreżentanti tal-Ħaddiema, li kollha huma rratifikati minn Malta.

Il-korpi superviżorji tal-ILO konsistentement sostnew li t-trade unions għandhom ikunu ħielsa li jwettqu l-funzjonijiet rappreżentattivi leġittimi tagħhom mingħajr indħil mill-awtoritajiet pubbliċi. Il-Karta Soċjali Ewropea, fl-Artikoli 5 u 6, tipprovdi l-istess protezzjoni fuq livell ta’ Kunsill tal-Ewropa.

L-ittra tal-ETUC lill-Kummissjoni titlob li jinkisbu assigurazzjonijiet mill-awtoritajiet Maltin li din ix-xorta ta’ interferenza ma terġax isseħħ. Il-GWU tappoġġja bis-sħiħ din it-talba. Jekk fil-futur tittieħed azzjoni simili kontra xi uffiċjal ta’ trade union, il-GWU u l-ETUC iddikjaraw l-intenzjoni tagħhom li jressqu l-kwistjoni quddiem il-korpi superviżorji internazzjonali rilevanti, inkluż il-Kummitat tal-ILO dwar il-Libertà ta’ Assoċjazzjoni.

Kevin Camilleri, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, stqarr: “Is-solidarjetà murija mill-ETUC u minn Esther Lynch personalment kienet waħda straordinarja. Mill-mument li qajjimna din il-kwistjoni, l-ETUC appoġġjatna mingħajr ebda eżitazzjoni. Il-fatt li l-ETUC issa qed tikteb direttament lill-Kummissjoni Ewropea huwa xhieda ta’ kemm il-moviment tat-trade unions Ewropej qed jieħu b’serjetà kbira dak li ġara hawnhekk. Is-Segretarju tat-Taqsima tagħna għamel xogħlu. Ġie investigat dwar xogħlu. Il-pulizija sabet li m’hemm l-ebda każ xi jwieġeb għalih. L-ETUC issa żgurat li l-prinċipju inkwistjoni jilħaq l-ogħla livelli tal-istituzzjonijiet Ewropej. Il-GWU hija grata, u se nkomplu naħdmu mal-ETUC biex niżguraw li l-ebda uffiċjal ta’ trade union f’Malta jew imkien ieħor fl-Ewropa ma jerġa’ jiffaċċja din is-sitwazzjoni.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport