Saturday, December 21, 2024

“Il-mistoqsija li rridu nwieġbu mhux jekk ħiereġ Joseph jew le… Il-mistoqsija hi jekk hux ħerġin intom tivvutaw”

Il-messaġġ tal-eks- Priim Ministru Joseph Muscat

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

“Il-mistoqsija li rridu nwieġbu mhux jekk ħiereġ Joseph jew le… Il-mistoqsija hi jekk hux ħerġin intom tivvutaw”. Dan iddikjarah l-eks Prim Ministru Joseph Muscat f’messaġġ li għamel fit-tnedija tal-kampanja ta’ Alex Agius Saliba fi Pjazza Tritoni.

Dr Muscat beda biex qal li bħal-lum 11-il sena ilu, fraħna ferħ li jista’ jifhmu biss min għamel 25 sena jaqla’ fuq rasu. 11-il sena ilu, fejn illum anke jekk inħarsu madwarna naraw id-differenza li hawn u li saret f’dan il-pajjiż.

B’referenza għall-PN, huwa qal; “kienu jgħidulna li ma stajniex inraħħsu l-kontijiet u ilna 11-il sena bil-kontijiet imraħħsa. Kienu jgħidulna li l-garanzija taż-żgħażagħ hija tal-fridges u washing machines… u issa bil-kemm issib żagħżugħ jew żagħżugħa waħda li mhix fl-edukazzjoni, fit-taħrig jew fix-xogħol.”

Dr Muscat qal ukoll; “Kienu jiftaħru għax f’25 sena żiedu t-turisti għal miljun u nofs, u aħna fi 11-il sena rdoppjajna t-turisti għal 3 miljuni. Lill-pensjonanti mhux li nistgħu tajniehom imma dak li ħaqqhom, żieda fil-pensjoni sena wara l-oħra.”

“Kienu jgħidulna li żewġt irġiel jew żewġ nisa jieħdu paċenzja jgħixu bħall-aħwa ma jistgħux jiżżewġu u llum iż-żwieġ indaqs huwa dritt fundamentali f’dan il-pajjiż,” tenna jgħid l-eks Prim Ministru.

Sadanittant, meta kien intervistat minn Talk.mt u kien mistoqsi jekk hux beħsiebu jikkontesta għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, Joseph Muscat kien qal; “Ifhimni, mhix deċiżjoni faċli u lanqas li nieħu f’24 siegħa bbażata fuq x’jgħidu n-nies fuq il-facebook. Irrid niżen x’inhu l-aħjar għall-familja tiegħi, irrid nitkellem ma’ marti Michelle u anke ma’ uliedi li huma żewġ tfajliet b’opinjonijiet b’saħħithom ħafna.” 

Huwa żied jgħid; “Irrid nara x’inhu ta’ ġid għall-Partit Laburista. Irrid niżen jekk hux se nkun qed ngħin jew infixkel lill-PL b’dak li nkun qed nagħmel. Mill-bqija, ħajti llum il-ġurnata hija barra mill-politika. Irrid niżen jekk nerġax lura mill-kelma li kont tajt li ma kontx lest li nerġa’ noħroġ għall-politika”.

Fl-istess intervista, Joseph kien irringrazzja lil kull min wera interess u fiduċja fih, iżda kważi kważi “napprezza iktar u iktar lil min jinqaras meta jisma’ ismi … dawk kważi kważi iktar jagħmluli kuraġġ biex nieħu d-deċiżjoni!”.

Ekonomija

Sport