Wednesday, April 24, 2024

‘Il-mużika hija ħajti u ma ngħixx mingħajrha’ – Gaia Gambuzza

Irrapreżentat lil Malta fil-Junior Eurovision Song Contest 2022 f’Yerevan fl-Armenja bil-kanzunetta ‘Diamonds in the Skies’. F’din l-intervista, se nkunu qed insiru nafuha aħjar.

Aqra wkoll

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-mużika u l-kant?
Ommi tgħid u tirrakkonta li meta kont żgħira, kont nidħol fil-kamra tal-banju u naqbad il-hairbrush u mmur biha quddiem it-televixin u noqgħod inkanta u niżfen mal-kanzunetti tal-cartoons. Kien b’hekk li huma tħajjru li jiktbuni fi skola tal-performing arts fejn kont nitgħallem kant, żfin u drama. Wara ftit tax-xhur l-għalliema ta’ din l-iskola ġibdu l-attenzjoni tal-ġenituri tiegħi u ssuġġerew li nibda nieħu lezzjonijiet tal-kant individwalment. U minn hemmhekk beda kollox.

Riċentement int irrapreżentajt lil Malta fil-Junior Eurovison Song Contest f’Yerevan fl-Armenja. Agħtina iktar dettalji.
Jiena ħadt sehem f’diversi kompetizzjonjiet barra minn xtutna però din tal-Junior Eurovision kienet xi ħaġa speċjali u kbira wisq li ma tista tqabbilha mal-ebda konkors ieħor. Kienu ġranet mimlijin bl-attivitajiet u kollox kien fih is-sabiħ tiegħu li żgur mhu se ninsa qatt. Qabel tlaqna lejn l-Armenja kont diġa sirt ħabiba permezz tal-online chatting mal-kantanti kollha. Konna kollha ħerqanin li niltaqaw ma’ xulxin. Għaddejna ġimgħa flimkien u sirna ħafna close u konna qisna familja waħda. Sal-lum stess, għadna nċemplu lil xulxin u nagħmlu ħin twil nitkellmu flimkien. Rigward l-attivatjiet li kellna hemm, nista ngħid li l-isbaħ waħda apparti s-show finali, kienet iċ-ċerimonja tal-ftuħ.

Hemmhekk sibna pjazza enormi mimlija nies kulħadd jistenna lilna l-kantanti biex ngħaddu minn fuq ir-red carpet. L-emozzjoni li tħoss meta tara dawk l-eluf ta’ nies kollha jwerżqu u jċapċpu x’ħin għaddejna aħna d-delegazzjoni Maltija hija xi ħaġa li ma nistax niddeskrivi. L-istess emozzjoni u anke akbar kienet meta ħriġt fuq il-palk biex nagħmel il-wirja tiegħi. Tara arena li kien fiha madwar 10,000 ruħ kulħadd hemm quddiemek lesti biex jaraw lilek…hija emozzjoni li qatt ma ħassejt f’ħajti.

L-arena tant hija kbira li lanqas tibda tgħarraf lil ħadt. Kont naf li preżenti kien hemm il-familja tiegħi, qraba u ħbieb. Kont naf li x’imkien fost dawk l-eluf ta’ nies kienu hemm qed ixejru l-bandiera Maltija. U x’sodisfazzjoni kbir meta lestejt il-performance u jien flimkien mal-ballerini dħalna lura backstage u kulħadd jifraħ bina u jgħidilna li konna tajna wirja mill-aqwa. Hemmhekk ħassejt ferħ u sodisfazzjon kbir li wara dik il-ħidma kollha, dawk it-tliet minuti fuq il-palk kienu eċċellenti. Kemm nixtieq nerġa nsib ruħi fuq dak il-palk enormi b’dik l-udjenza vivaċi quddiemi!

Ta’ min isemmi ukoll li f’dawk il-ġranet f’Yerevan fl-Armenja kelli ħafna intervisti ma’ ġurnalisti barranin u ltqajt ma’ ħafna nies minn pajjiżi differenti. Mort anke nżur wieħed mill-akbar studios tal-Armenia fejn hemmhekk sar il-filming tal-kartolina li ntweriet qabel il-performance. Kull filgħaxija kienu anke jorganizzaw parties għal kantanti u ballerini.

Kemm konna nieħdu gost lkoll flimkien. Kienet ġimgħa li bidlitli ħajti. Meta niftakar u nirraklonta dak kollu li għaddejt minnu nħoss ferħ kbir u fl-istess nostalġija li għadda kollox.

Taspira li terġa’ tieħu sehem f’dan il-konkors fil-futur?
Din li nieħu sehem fil-Junior Eurovision kienet ħolma kbira għalija u issa li saret realtà nħares ‘il quddiem u nittama li jkolli opportunitajiet oħra kbar bħalha. U iva għala le naħdem u nistinka kif dejjem għamilt forsi jkolli anke l-opportunitá li nieħu sehem fil-konkors tal-kbar meta jkolli l-età għalih.

Kif jirnexxielek tlahhaq mal-istudji tiegħek u mal-kant?
Mhux faċli peró jien nħossni tifla ffortunata li nsib ħafna għajununa mill-ġenituri tiegħi speċjalment mill-mama’. Ommi dejjem hemm ħdejja u tgħinni ħafna biex nqassam kollox kif suppost. Tiggwidani anke fit-timetable tiegħi u dejjem tħeġġini biex nkompli bl-istudji tiegħi għax dawk importanti ħafna ukoll.

Tħoss li f’Malta, il-kantant hu rispettat bizzejjed jew f’pajjiż oħra dan hu iktar rikonoxxut?
Hemm ħafna nies li japprezzaw it-talent Malti pero jiddispjaċini ngħid li hawn nies ukoll li ma japprezzawx biżżejjed dak li Malta u l-kantanti Maltin għandhom x’joffru. Għandna nkunu kburin li għalkemm aħna żgħar fejn pajjiżi oħra, xorta kapaċi noffru u nagħtu dak li jagħtu artisti barranin f’dan il-qasam.

X’inhu l-futur ta’ Gaia Gambuzza?
Ovvjament, il-futur tiegħi nimmaġinah mżewwaq b’ħafna mużika kemm Malta kif ukoll barra minn xtutna. Il-mużika hija ħajti u ma ngħixx mingħajrha. Apparti dan nara lili nnifsi ukoll naħdem fil-professjoni ta’ speech and language pathologist fejn b’dan ix-xogħol nkun anke qed ngħin lil ħaddieħor jitgħallem juża u jħaddem il-vuċi sew.

Sport