Il-membri tal-Assemblea Nazzjonali ta’ Franza (il-parlament) ivvotaw biex fil-pajjiż jiddaħħal id-dritt għall-ewtanasja, iżda taħt kundizzjonijiet stretti. Dan il-vot ittieħed wara snin twal ta’ dibattitu u bidliet f’dak li kien qed ikun propost. Ir-riżultat tal-vot kien 291 kontra 241 biex ġie appoġġjat l-abbozz ta’ liġi, li kien miċħud tliet darbiet mill-kamra superjuri – is-Senat.
Il-Prim Ministru Sébastien Lecornu issa mistenni jirreferi partijiet mill-abbozz ta’ liġi lill-Kunsill Kostituzzjonali ta’ Franza għall-skrutinju qabel ma jkun jista’ jgħaddi biex jinbidel f’liġi mill-parlament.
Kif ġie propost l-abbozz, il-mewta assistita se tkun applikabbli għal adulti Franċiżi b’marda serja u inkurabbli li thedded il-ħajja fi stadju avvanzat jew terminali, li tpoġġi fi tbatija fiżika jew psikoloġika insapportibbli lill-pazjent, jew tkun reżistenti għat-trattament mediku.
Il-pazjent ikollu bżonn jimmanifesta liberament l-intenzjoni tiegħu jew tagħha lit-tabib, li mbagħad jieħu deċiżjoni fi żmien 15-il jum wara konsultazzjoni.
Wara jumejn ta’ riflessjoni, il-pazjent ikollu jamministra huwa stess is-sustanza letali. Jekk il-pazjent ma jkunx jista’ jagħmel dan, il-proċess ikun jista’ jsir minn tabib jew infermier. Id-deċiżjoni tal-pazjent li jkompli bil-proċedura jkollha tiġi vverifikata mit-tabib dakinhar stess.
Il-vot tal-parlament ta nhar l-Erbgħa jfisser li Franza issa tista’ tingħaqad ma’ diversi pajjiżi Ewropej oħra li ddekriminalizzaw il-mewta assistita f’xi forma.
Dibattitu simili ilu għaddej ukoll fir-Renju Unit. Abbozz ta’ liġi biex jiġi legalizzat il-mewt assistit fl-Ingilterra u Wales ġie sospiż aktar kmieni din is-sena u mistenni jerġa’ lura fil-Parlament f’Settembru li ġej.
L-Olanda u l-Belġju legalizzaw l-ewtanasja amministrata minn tabib fl-2002, għal persuni bi tbatija insopportabbli minn mard inkurabbli. Diversi pajjiżi Ewropej oħra minn dakinhar għaddew leġiżlazzjoni, u l-Iżvizzera ilha tippermetti s-suwiċidju assistit jekk il-persuna li tkun qed tassisti taġixxi b’mod altruwista.
Fi Franza, il-kwistjoni kienet kontroversjali ħafna politikament u ġibdet oppożizzjoni mill-Knisja Kattolika u partijiet mill-professjoni medika.
Madankollu, stħarriġ tal-opinjoni jissuġġerixxi li maġġoranza kbira tal-poplu Franċiż jappoġġja li persuni morda terminalment jingħataw għażla ta’ kura palljattiva jew mewt assistita.




