Box Office
“The Super Mario Galaxy Movie” kompla jirrenja fil-box office Amerikana mingħajr ebda kompetizzjoni denja. Fit-tielet tmiem il-ġimgħa, kellu dħul ta’ ta’ $35 miljun. Globalment, diġa laħaq iċ-ċifra ta’ $747.5 miljun u jidher destinat li jersaq u possibilment jissupera d-dħul ta’ biljun dolaru.
“Project Hail Mary” għadu sejjer tajjeb u żamm it-tieni post. Fit-tielet pożizzjoni ddebutta l-film tal-orrur, “Lee Cronin’s The Mummy” b’dħul ta’ $13.5 miljun. Għal film li sewa $22 miljun, dan ma kienx xi dħul ħażin.
Id-drama romantika “The Drama” b’Zendaya u Robert Pattinson niżel fir-raba’ post. Is-suċċess ta’ dan il-film jawgura tajjeb billi dawn iż-żewġ atturi nerġgħu narawhom flimkien aktar tard din is-sena meta joħorġu “The Odyssey” (f’Lulju) u “Dune: Part Three” (f’Diċembru).
Fil-ħames post tal-box office Amerikana, wieħed isib kummiedja romantika oħra, “You, Me & Tuscany”.
Michael
Il-films bijografiċi dwar ikoni kulturali ikollhom sfida kbira quddiemhom: iridu isaħħu l-kult kbir li diġa għandhom jew iridu jiżvelaw xi ħaġa li l-ammiraturi ma jafux?
Id-direttur Antoine Fuqua jirnexxilu joħloq film bijografiku b’saħħtu dwar Michael Jackson, li hu ta’ livell għoli ċinematografu, viżwalment dinamiku u emozzjonali.
Jaafar Jackson jagħti prestazzjoni profonda. Huwa jaqbad mhux biss il-vuċi u l-fiżikalità ta’ Michael Jackson, iżda wkoll il-fraġilità ta’ din il-persuna. L-interpritazzjoni ta’ Jaafar, li hu n-neputi ta’ Michael Jackson, hija l-akbar saħħa tal-film. L-interpritazzjoni mhix karikatura ta’ żijuh, iżda minflok isib bażi għall-leġġenda fil-kumplessità umana.
Aspett li l-film jidħol fid-dettal hi t-tensjoni fir-relazzjoni li Michael sa minn ċkunitu kellu ma’ missieru Joe (Colman Domingo). Għalkemm kien ovvju li Michael kellu vuċi u kwalitjjiet ta’ espressjoni mużikali ferm superjuri għal dawk ta’ ħutu, il-missier qatt ma ried li Michael imur għall-karriera solo imma riedu jkunu parti mill-grupp Jackson 5.
Mument ieħor important fil-karriera tiegħu u jidher f’dan il-film hu meta fl-1984 seħħ l-aċċidenti pirotekniku waqt il-filming tar-reklam għal Pepsi.
Is-sekwenzi mużikali huma tajba. Il-prestazzjonijiet rikreati u l-mumenti fl-istudjo joħolqu awtentiċità bl-ammiraturi se japprezzaw dawk il-mumenti maġiċi marbuta ma’ Thriller u Bad. Dawn ix-xeni jfakkruna għaliex l-influwenza ta’ Michael Jackson tibqa’ bla paragun, billi tħallat l-ispettaklu mal-innovazzjoni.
Għal raġunijiet li jidhru hawn taħt, id-direttur Antoine Fuqua kellu jevita li jirreferi għall-allegazzjonijiet li kienu saru fl-1993 u li suppost kellu jkun l-aħħar terz tal-film. Għaldaqstant, wieħed jista’ iħoss dan bħala opportunità mitlufa għal eżami aktar profond tal-bniedem Michael Jackson. Imma fl-aħħar tal-film, wieħed jingħata x’jifhem li jista’ jkun it-tieni parti tal-istorja ta’ Michael Jackson.
“Michael” hu kklassifikat 12A minħabba xeni ta’ abbuż domestiku
Kellu jinbidel l-aħħar terz tal-film
Il-film li sejrin inkunu qed naraw fit-teatri mhux eżatt kif kien ippjanat. Oriġinarjament, il-film kien ser jibda b’Michael Jackson jara r-riflessjoni tiegħu f’mera, konfuż hekk kif fl-isfond jidhru d-dwal ta’ karozza tal-pulizija. Is-sena hi l-1993, meta ir-Re tal-Pop ġie akkużat b’molestja ta’ tifel.
Din is-sekwenza hekk kif l-pulizija jaslu f’Neverland Ranch biex ifittxu għall-evidenza hi waħda mix-xeni li tħalliet barra. Il-film suppost kellu jitratta wkoll l-impatt li dawn l-allegazzjonijiet kellhom fuq il-ħajja ta’ Michael Jackson. Dan kien ser ikun l-aħħar terz tal-film kif kien ippjanat. Imma dan kollu tħalla barra, inkluż kull referenza għal din l-allegazzjoni. Dan seħħ wara li l-avukati tal-familja Jackson intebħu li fil-ftehim ma’ l-akkużat Jordan Chandler, kien hemm klawżola li pprojbixxiet ir-rappreżentazzjoni jew is-semmija tiegħu fi kwalunkwe film.
Wara din l-iskoperta, id-direttur Antoine Fuqua kellu jerġa jaħseb kif ser joħloq tmiem differenti għall-film li kien lest mill-filming.
F’Ġunju tas-sena l-oħra, il-kast kollu kellu jerġa lura quddiem il-kamera għal 22 jum ta’ filming. Dan kollu sewa bejn $10 u $15-il miljun. Il-familja ta’ Michael Jackson daħlet għal din l-ispiża żejda. Minħabba hekk, il-familja daħlet ukoll bħala parti mill-produzzjoni u allura sejra tibbenifika direttament mill-qligħ.
Ibnu Prince serva bħala executive producer tal-film u dejjem kien ikun fuq is-sett. Iż-żewġt itfal l-oħra, Bigi u Paris ma kienux involuti.


