Monday, May 18, 2026

Il-Partit Laburista fil-Gvern għandu kredibbiltà fit-tmexxija ekonomika tal-pajjiż

Aqra wkoll

Waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mid-Deputat Prim Ministru Ian Borg, il-Ministru Silvio Schembri u l-kandidat Laburista Clint Azzopardi Flores ġew preżentati kisbiet u proposti li juru li l-Partit Laburista fil-Gvern biss għandu kredibbilità fit-tmexxija ekonomika tal-pajjiż.

Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg qal li Gvern Laburista wera kompetenza u kredibbiltà fit-tmexxija ekonomika, b’riżultati konsistenti mill-2013 ’l hawn. Huwa għamel referenza għar-riżultati ekonomiċi li ġew irreġistrati fl-aħħar snin, fosthom tkabbir fid-daqs tal-ekonomija, sitwazzjoni ta’ full employment u l-ogħla rata ta’ impjiegi fl-Ewropa.

Borg saħaq li Gvern Laburista baqa’ jipproteġi lill-ħaddiema u lin-negozji kienu x’kienu ċ-ċirkostanzi fid-dinja. Kriżijiet bħall-pandemija COVID-19, il-gwerer u ż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u prodotti essenzjali ma waqqfux lil Gvern Laburista milli jwettaq il-proposti tiegħu f’baġit wara l-ieħor.

Id-Deputat Prim Ministru qal li l-manifest Int Malta huwa mibni fuq iċ-ċertezza u l-istabbiltà. Għall-ħames snin li ġejjin, il-miri ewlenin għall-pajjiż huma:

– tkabbir ekonomiku medju ta’ madwar 4% fis-sena,

– pajjiżna jibqa’ jkollu sitwazzjoni ta’ full employment, bir-rata ta’ qgħad tibqa’ qrib it-3% u fost l-anqas fiż-Żona Ewro kollha.

– Malta tingħaqad mal-aktar pajjiżi avvanzati fil-European Innovation Scoreboard, permezz taż-żieda fin-negozji li jużaw l-AI minn madwar 17-20% għal 40%.

Qal li pajjiżna se jkompli jattira investiment ta’ kwalità u tingħata prijorità lis-setturi indikati fil-Viżjoni Malta 2050, fosthom is-settur diġitali, is-settur marittimu, it-turiżmu, l-avjazzjoni u l-manifattura avvanzata, filwaqt li jitħaffu l-proċessi għal proġetti ta’ prijorità.

Il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri spjega li minn ekonomija ta’ €7 biljun fl-2013, illum għandna ekonomija ta’ €25 biljun. Qal li Partit Laburista fil-Gvern se jkompli jsaħħaħ l-ekonomija permezz ta’ miżuri konkreti favur in-negozji, l-innovazzjoni u setturi ġodda.

Huwa rrefera għal diversi miżuri elenkati fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista, fosthom is-sejħa għal ta’ free-zone logistics hub fiż-żona tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, bil-possibbiltà ta’ konnessjoni diretta mal-Freeport.

Il-Ministru Schembri għamel referenza wkoll għas-setturi tal-futur, fosthom il-fintech u s-setturi diġitali. Huwa qal li matul l-aħħar ħames snin dawn is-setturi kibru b’madwar ħames darbiet. F’dan il-kuntest, huwa semma l-European Digital Capacity Index, li jkejjel il-politika diġitali tal-pajjiżi u kemm din tiġi applikata b’mod effettiv fil-ħajja reali. Malta għadha kemm ġiet ikklassifikata fir-raba’ post f’din l-istatistika.


Semma li fost il-miżuri proposti mill-Partit Laburista hemm ukoll it-tnaqqis fit-taxxa minn 35% għal 25% għal kumpaniji bi dħul sa €1 miljun fis-sena. Il-Gvern se jkompli wkoll jinvesti €100 miljun fis-sena fid-diġitalizzazzjoni u teknoloġiji bħal AI, IoT, cybersecurity, blockchain, quantum computing u r-robotika.

Barra minn hekk, se jingħata kreditu tat-taxxa ta’ 60% fuq investiment fid-diġitalizzazzjoni, l-awtomazzjoni u l-AI, b’allokazzjoni ta’ €120 miljun u għajnuna sa massimu ta’ €15-il miljun fuq erba’ snin għal kull kumpanija eliġibbli.


Il-Gvern se jinvesti wkoll f’setturi emerġenti bħall-Web3, l-assi diġitali, space data services and applications, prediction markets u MedTech. Dawn l-inizjattivi għandhom l-għan li jsaħħu l-kompetittività, joħolqu impjiegi ta’ kwalità u jpoġġu lil Malta bħala ġurisdizzjoni innovattiva u sostenibbli.

Il-kandidat Laburista Clint Flores qal li l-Gvern se jkompli jgħin ukoll lis-self-employed, billi jħalli aktar flus fil-but tagħhom u jsaħħaħ il-kompetittività. Permezz tal-iskema SMEBoost, ir-rata effettiva tal-kontribuzzjoni għas-sigurtà soċjali se tonqos minn 15% għal 10%.

Clint Flores semma wkoll li Gvern Laburista ħa miżuri sabiex tkompli titnaqqas il-burokrazija u kompla jżid l-ammont ta’ servizzi elettroniċi disponibbli għall-pubbliku. Huwa tenna li dan l-impenn se jkompli hekk kif se jinbeda proċess ta’ business process reengineering mal-Gvern kollu u jintużaw kunċetti bħall-AI u l-once-only principle biex nissimplifikaw il-proċessi u nnaqqsu l-burokrazija żejda b’35%.

Fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni, se jingħata kreditu ta’ taxxa ta’ 175% fuq l-infiq f’dawn l-oqsma, flimkien ma’ deprezzament aċċellerat fuq sentejn għal investiment fl-AI, id-diġitalizzazzjoni, l-awtomazzjoni u s-cybersecurity.


Huwa temm għid li l-Gvern se jaħdem ukoll fuq il-kunċett ta’ Malta eResidency, li hija pjattaforma diġitali li tattira intraprendituri internazzjonali u start-ups biex jistabbilixxu negozju f’Malta b’mod diġitali mingħajr il-bżonn ta’ ħaddiema barranin u pressjoni fuq l-infrastruttura tal-pajjiż.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport