Thursday, July 23, 2026
Home Sport ‘Jekk tħoss ġibda qawwija f’qalbek lejn xi ħaġa li tassew tixtieq tikseb,...

‘Jekk tħoss ġibda qawwija f’qalbek lejn xi ħaġa li tassew tixtieq tikseb, qatt tipprova tnaqqas jew tinjora dak li tħoss ġewwa fik’ – Jordan Pace

0
23

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-atletika?

Għall-ewwel, mill-2018 sal-2020, jiena kont nittrenja darba fil-ġimgħa, siegħa biss, kull nhar ta’ Sibt il-Marsa bħala parti mill-programm tal-BeActive Sports Malta. Kien sempliċiment mod kif inżomm attiv għax, dak iż-żmien, ma kontx tant imħajjar li nibda sport kompetittiv. F’dan it-taħriġ konna sempliċiment niġru ftit, nagħmlu ċertu movimenti u stretching, u anke f’xi drabi minnhom nittrenja ma’ ommi li wkoll kienet tittrenja taħt il-programm tas-Sports Malta darba fil-ġimgħa.

L-imħabba u l-passjoni vera tiegħi lejn l-atletika bdew iżda waqt li kienu għaddejjin l-kampjonati tas-sajf tal-atletika tal-2021. B’kumbinazzjoni, ommi kienet qiegħda ssuqni għal appuntament il-Marsa fejn għaddejna minn ħdejn it-trakka tal-ġiri bil-karozza. Dak il-ħin ħassejt ġibda qawwi f’qalbi li dan hu s-sport li verament nixtieq nagħmel, u bil-mod il-mod, minn dik is-sena bdejt nittrenja b’mod regolari.

Iddeskriva l-esperjenza preżenti tiegħek fl-atletika.

Bħalissa ninsab f’punt importanti tal-karriera tiegħi bħala atleta. Din is-sena ġabet magħha ħafna bidliet kemm pożittivi, speċjalment wara li biddilt il-kowċ f’nofs aktar kmieni dis-sena li għenitni niskopri kemm verament jiena passjonat fuq das-sport, tatni mentalità ġdida u motivazzjoni akbar biex inkompli nimraħ fl-400m Hurdles u f’dixxiplini oħrajn.

Grazzi għall-kowċ tiegħi Rachid Chouhal, inħoss li issa qiegħed nikkompeti b’aktar kunfidenza, kontroll, u saħħa, filwaqt li nibqa’ naħdem kontinwament biex intejjeb il-prestazzjonijiet tiegħi. 

Fl-istess ħin, qed nieħu gost ħafna bil-vjaġġ li għaddej minnu bħalissa, speċjalment grazzi għall-atleti li qiegħed nittrenja magħhom. Hemm atmosfera sabiħa ħafna waqt it-training, fejn kulħadd huwa motivat u determinat waqt it-taħriġ, li din naturalment tagħmel differenza kbira kemm mentalment kif ukoll fil-prestazzjoni. 

X’tikkummenta fuq l-aħħar rekord nazzjonali li ksibt?

Li ksirt ir-rekord nazzjonali tal-400m Hurdles, fejn naqqast ir-rekord l-antik tiegħi ta’ 54.53s għal 52.81s kienet ta’ sodisfazzjon kbir ħafna għalija għax kienet riflessjoni diretta tar-reżiljenza mentali tiegħi. Il-ħin ma kinitx l-unika ħaġa li kienet importanti, iżda wkoll il-fatt li rnexxieli nuri lili nnifsi li kapaċi nilħaq livell ħafna ogħla mis-sena l-oħra.

Dak il-mument tani motivazzjoni akbar biex inkompli naħdem u nimmira għal aktar suċċessi fil-futur. Kienet tellieqa li qatt ma ninsa u waħda li għamlitni kburi ħafna bil-passi u d-deċiżjonijiet li ħadt matul din is-sena.

X’suċċessi maġġuri oħra rnexxielek tikseb sa issa f’dan l-isport li tant tħobb?

Apparti mir-rekords nazzjonali, wieħed mis-suċċessi l-kbar tiegħi kien li rnexxieli nirrappreżenta lil Malta f’kompetizzjonijiet internazzjonali u nikkompeti kontra atleti ta’ livell għoli, bħal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar, il-European Team Championships, u l-World University Games. Dawn l-esperjenzi għenuni nikber kemm bħala atleta kif ukoll bħala persuna.

Inħoss ukoll li suċċess importanti huwa l-mod kif l-atletika bidlitli l-mentalità tiegħi. Għallmitni dixxiplina, paċenzja u reżiljenza, kwalitajiet li jgħinuni mhux biss fl-isport imma fil-ħajja inġenerali.

Kif tqis il-livell tal-atletika f’pajjiżna fil-preżent?

Nemmen li l-livell tal-atletika f’Malta tjieb ħafna fl-aħħar snin. Qed naraw aktar atleti dedikati u prestazzjonijiet dejjem aktar b’saħħithom f’diversi dixxiplini. Dan huwa sinjal pożittiv ħafna għall-futur tal-isport f’pajjiżna.

Madankollu, nemmen li hemm spazju għal aktar żvilupp, speċjalment jekk irridu nikkompetu b’mod aktar konsistenti fuq livell internazzjonali. B’investiment u appoġġ akbar, jiena nemmen li avolja l-atleti Maltin diġà laħqu riżultati tajbin ħafna f’dawn l-aħħar snin, nemmen li jistgħu jilħqu livelli saħansitra ogħla.

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?

Ir-riżorsi tjiebu ħafna meta mqabbla ma’ snin ilu, u napprezza tassew l-isforz li qed isir sabiex l-atleti jkollhom aktar appoġġ u opportunitajiet biex jiżviluppaw. Hemm ħafna nies fil-komunità tal-atletika li jaħdmu b’passjoni kbira biex l-isport ikompli jikber, u dan jidher ċar fil-progress li sar f’dawn l-aħħar snin.

Grazzi wkoll għall-ħidma ta’ Athletics Malta, kif ukoll bit-tnedija tal-Athletes Commission, nemmen li l-vuċi tal-atleti qed tingħata aktar importanza u li qed jinħoloq ambjent aktar professjonali għall-isport. 

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-atletika?

Inħares lejn il-futur tiegħi fl-atletika b’ħafna ambizzjoni u ottimiżmu. Naf li għad hemm ħafna xogħol x’isir, iżda nemmen li għandi l-potenzjal inkompli nitjieb u nikseb riżultati akbar fuq livell internazzjonali.

Fl-istess ħin nibqa’ ħerqan li mhux biss niffoka fuq ir-riżultat iżda li naprezza l-proċess u ngawdi l-vjaġġ waqt li nikber bħala persuna permezz tal-isport. L-atletika diġà tatni ħafna esperjenzi sbieħ u nispera li fil-futur inkompli  ġieħ lil Malta.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-atletika.

Il-messaġġ tiegħi lejn l-atleti huwa sempliċi: 

Jekk tħoss ġibda qawwija f’qalbek lejn xi ħaġa li tassew tixtieq tikseb, qatt tipprova tnaqqas jew tinjora dak li tħoss ġewwa fik! 

Ħafna mid-drabi, is-subkonxju tiegħek ikun qiegħed imexxik lejn il-persuna li inti tista’ ssir. Għamel il-kuraġġ biex tieħu d-deċiżjonijiet li tħoss li huma tajbin għalik, anke jekk ma jinftiehmux minn kulħadd.

Fl-istess ħin, trid tafda fil-proċess u tibqa’ konsistenti. Is-suċċess fl-atletika ma jiġix mil-lum għal għada, u jkun hemm mumenti diffiċli u ħafna sagrifiċċji. Se jiġu mumenti fejn inti se tiddubita l-kapaċita tiegħek, imma huma wkoll dawn il-mumenti li jistgħu jbiddluk għall-aqwa verżjoni tiegħek bħala persuna. Nemmen li meta atleta jibqa’ leali lejn lilu nnifsu, jafda fil-vjaġġ tiegħu, u jibqa’ jaħdem b’dixxiplina u passjoni, jista’ jilħaq livelli li forsi qatt ma kien jimmaġina.