Sunday, December 22, 2024

Il-Perit Bonnici jinħatar Aġent Kap Eżekuttiv tal-BCA

Aqra wkoll

Il-Bord tal-Awtorità dwar il-Bini u l-Kostruzzjoni ltaqa’ għall-ewwel darba wara li ġie rikompost u ħatar lill-Perit Roderick Bonnici bħala Aġent Kap Eżekuttiv ġdid tal-awtorità.

Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard ħa l-okkażjoni biex jiltaqa’ mal-membri tal-bord u awgura lill-Perit Bonnici fl-okkażjoni tal-ħatra tiegħu fi ħdan din l-awtorità li kull ma jmur qiegħda tkompli tistabbilixxi rwol aktar b’saħħtu fis-settur tal-kostruzzjoni.

“Il-ħatra tal-Perit Bonniċi qed issir fi żmien fejn fl-awtorità se jsir proċess ta’ ristrutturar, b’tali mod li tkompli tirrispondi b’mod aktar effettiv u twettaq l-impenn tal-gvern li jkompli jgħolli l-istandards fis-settur tal-kostruzzjoni, f’konformità mal-manifest elettorali u mar-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika,” sostna l-Ministru Jonathan Attard.

Il-Perit Bonniċi, li kien il-kap tas-sezzjoni li tapprova l-applikazzjonijiet tal-permessi fi ħdan l-Awtorità tal-Bini u Kostruzzjoni, gradwa f’Baċellerat tal-Inġinerija u Arkitettura kif ukoll kwalifikat f’Masters fl-Immaniġġjar tal-Proġetti mill-Università ta’ Malta.

Huwa kien diġà ta kontribuzzjoni sostanzjali fl-Uffiċċju għar-Regolamenti tal-Bini fit-Taqsima tal-Infurzar, fi ħdan l-awtorità u fis-sezzjoni li kienet tkopri evitar ta’ ħsarat għal terzi. Preċedentement ħadem ukoll fil-qasam tal-infrastruttura ma’ aġenzija pubblika u anke fis-settur tal-kostruzzjoni fuq proġetti privati kif ukoll pubbliċi.

Ekonomija

Sport