Monday, May 13, 2024

KUNSILLI LOKALI

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Jidher li hemm ċerta għeja fit-tmexxija tal-kunsilli lokali. Donnhom numru ta’ kunsilliera mhumiex iħossuhom f’qagħda fejn jistgħu jkunu effettivi. Oħrajn iddejqu bil-piżijiet li l-kariga ta’ kunsillier iġġib magħha: jiġu akkużati li mhumiex jieħdu ħsieb ta’ affarijiet kif mistenni minnhom, anke jekk m’għandhomx kontroll fuqhom.

B’mod jew ieħor, dawn il-problemi jaffaċċjawhom in-nies kollha li jinvolvu ruħhom fil-politika, kif naf mill-esperjenza. Biss jinqalgħu eżempji fejn id-dwejjaq ikunu ġustifikati aktar mis-soltu. Jidher li hemm każi ta’ dat-tip f’numru ta’ lokalitajiet, immexxija kemm mill-partit tal-gvern, kemm minn dak tal-oppożizzjoni.

Wieħed irid jara minn kif se joħorġu r-riżultati tal-elezzjonijiet lokali jekk forsi bidla fil-personnel tal-kunsilli titlaqx fuq linja ġdida ta’ inizjattiva u bidla. Lil hinn minn hekk madankollu, se tkun meħtieġa ħarsa kritika fuq kif qed jaħdmu (u kif jitħallew jaħdmu) l-kunsilli lokali. La qiegħdin hemm, ikun aħjar għal kulħadd jekk jingħataw u jinżammilhom l-ispazju biex fih joperaw bl-aħjar mod. U qed ngħid dan jien, li dejjem kont xettiku dwar kemm jistgħu jkunu effettivi l-kunsilli lokali fiċ-ċirkostanzi ta’ pajjiżna.

“INCUMBENCY”

Niftakar li wara l-elezzjoni tal-2008, kont għedt li raġuni għat-telfa bi żbrixx tal-Partit Laburista kienet il-“power of incumbency” li eżerċita l-gvern ta’ Lawrence Gonzi. Jiġifieri s-saħħa li kellu bħala gvern biex jagħti favuri u jagħmel pjaċiri permezz tal-magna tal-gvern li jikkontrolla.

Dak iż-żmien, “kulħadd” ħareġ jgħajjarni li qed inħarref għax kont tilft. Dak iż-żmien deher li ħadd… jew ftit ħafna… kienu jafu xi tfisser l-espressjoni. Mentri hi magħrufa sew kull fejn tirfes fl-Ewropa u fl-Istati Uniti.

Illum nistagħġeb kemm l-espressjoni ndrat u qed tintuża bla waqfien mill-istess nies li ddieħku biha. L-oppożizzjoni u l-medja “ħielsa” mhux ħlief jużawha biex ifissru xinhu jagħmel il-gvern. Sakemm l-espressjoni tista’ tintuża kontra l-Labour, għaliex le? Dak jidher li sar il-prinċipju fl-użu tal-kelma “incumbency” llum.

FEHMIET U GĦARFIEN

Fi tmiem l-għaxar snin li qattajt fil-Parlament Ewropew, ħsibt li ma tkunx idea ħażina li noħroġ ktieb b’uħud mill-essays u l-artikli li ktibt matulhom. Uħud jittrattaw materji Ewropej, oħrajn le. Bit-titlu “Fehmiet u Għarfien”, il-ġabra ta’ kitbiet twassal opinjonijiet dwar materji li huma siewja u ta’ interess fi żminijietna. Min-naħa oħra tressaq għarfien ta’ personalitajiet li huma jew kienu attivi fl-oqsma ta’ ħidma f’pajjiżna bħall-politika u l-kultura.

Hemm kitbiet bl-Ingliż, oħrajn bil-Malti. Peress li hu ktieb “tal-okkażjoni”, se jinħareġ f’edizzjoni limitata. Fil-qoxra ta’ barra hemm twissija: min jixtrih x’aktarx mhux se jaqbel ma’ kull ma jsib miktub fih!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport