Saturday, December 21, 2024

Il-Piena Kapitali

Ruben Briffa
Ruben Briffa
Analista dwar Avvenimenti Internazzjonali

Aqra wkoll

Is-suġġett tal-piena kapitali ilu jkun diskuss fil-midja internazzjonali għal għexieren sħaħ ta’ snin. Bħal dejjem hemm sezzjoni tal-midja li taqbel ma’ dan il-mod estrem ta’ kif issir ġustizzja ma’ vittmi ta’ krimini gravi, filwaqt li hemm ġurnalisti li jimbottaw kampanija sabiex il-piena tal-mewt titneħħa kompletament mill-lista ta kastigi li weħed jista’ jingħata mill-qrati madwar id-dinja.

Żgur li għal dawk li huma favur li titneħħa l-piena tal-mewt, dak li ġara ġewwa Alabama, fl-Istati Uniti, kienet daqqa ta’ ħarta kbira. Dan għaliex minflok dan l-istat beda jħejji għat-tmiem tal-piena kapitali, l-awtoritajiet addirittura introducew metodu ġdid fjament ta’ kif jinqatel l-ikkundannat.

Il-qtil ta’ Kenneth Eugene Smith

Wara li tilef tliet appelli sabiex tiġi revokata s-sentenza tal-mewt tiegħu, Kenneth Eugene Smith ta’ 58 sena, ġie maqtul il-ġimgħa l-oħra f’ħabs ġewwa Alabama permezz tal-gass Nitroġenu. Din hija l-ewwel darba li ntuża dan il-metodu madwar id-dinja.

Ta’ min jghid li diġà kien hemm attentat ieħor sabiex Smith jinqatel meta lura fl-2022, iżda l-awtoritajiet kien ħalliehom il-metodu tal-injezzjoni letali fuq Smith. Smith kien instab hati li lura fl-1989, flimkien ma’ persuna oħra li diġà kienet ġiet iġġustizzjata fl-2010, kien qatel mara wara li kien tħallas minn żewġha sabiex jeħles minnha u jieħu xi flus mill-assigurazzjoni.

L-Alabama, flimkien ma’ żewġ stati oħra ġewwa l-Istati Uniti, għadha kemm approvat dan il-metodu ġdid ta’ eżekuzzjoni bħala alternattiva għall-metodu komuni tal-injezzjoni letali, minhabba l-iskarsezza tal-kimiċi li jintużaw sabiex issir l-injezzjoni.

Osservaturi li assistew għall-ezekuzzjoni ta’ Smith qalu li kienu mwerwra b’dak li raw. Skont dawn ix-xhieda, Smith dan kważi nofsiegħa jiġġieled sabiex jieħu n-nifs sakemm miet meta beda għaddej in-Nitroġenu ġol-maskra li ġiet imlibbsa.

Dan il-metodu jwassal għall-mewt billi l-vittma jkun imġiegħel jibla n-Nitroġenu mingħajr Ossiġnu, u dan jibda jkisser naqra naqra ċ-ċelloli tal-gisem sakemm tasal il-mewt.

Il-piena kapitali madwar id-dinja

Mis-snin tmenin l-hawn, l-akbar numru ta’ ezekuzzjoni li saru gewwa l-Istati Uniti kien dak ta’ 98  u dan seħħ fis-sena 1999. Jingħad li dan in-numru naqas bil-kbir għal madwar 20 żzekuzzjoni fis-sena wara l-2020 minħabba skarsezza tal-kimiċi li jiġu injettati ġewwa l-ikkundannat.

Flimkien mal-Istati Uniti, skont l-Amnesty International, madwar id-dinja hawn 54 pajjiż ieħor li għadhom jistgħu juzaw il-piena kapitali. 23 pajjiz minn dawn ilhom ma joqtlu lil xi ħadd għal aktar minn 10 snin. Disa’ pajjiżi minn dawn il 55 pajjiż jużaw il-piena kapitali f’każi ta’ krimini ta’ gwerra u qtil tal-massa biss.

Dejjem skont l-istatistika ppubblikata mill-istess Amnesty International, l-aktar pajjiż li joqtol nies madwar id-dinja huwa ċ-Ċina. Skont l-Amnesty International iċ-Ċina toqtol eluf ta’ nies kull sena’. Minbarra dak li jseħħ fiċ-Ċina, huwa kkalkulat li f’dawn l-aħħar snin, isiru bejn 700 u 900 qtil fil-pajjiżi l-oħra ta’ kull sena.

L-aktar sena li fiha nqatlu nies fil-pajjiżi l-oħra li għandhom il-piena kapitali kienet 1989, u li fiha jingħad li nqatlu kważi elfejn ruħ. Riċentament, l-aktar sena li fiha seħħew eżekuzzjoni fl-istess pajjizi kienet 2015 li fiha nqatlu madwat 1600 ruh.

Madwar id-dinja l-Amnesty International tghid li hawn ftit aktar minn 28,000 ruħ jistennew li jingħataw il-piena kapitali. Apparti ċ-Ċina, l-aktar pajjiżi li qatlu nies permezz tal-pienna kapitali kienu l-Iran fejn jinqatlu kważi sitt mija fis-sena, l-Għarabja Sawdita fejn l-eżekuzzjonijiet jlaħħqu madwar mitejn fis-sena u fuq skala iżgħar, l-Eġittu u appuntu l-Istati Uniti.

Filwaqt li l-maġġoranza tan-nies madwar id-dinja jinghad li huma kontra l-piena kapitali, jingħad ukoll li wieħed minn kull tliet persuni adulti madwar id-dinja għadu favur tagħha.

Aħbar tajba għal dawk il-ħafna entitajiet li qegħdin jiġġieldu sabiex titneħħa darba għal dejjem il-piena tal-mewt hija li matul 2022, erba’ pajjiżi neħħewha għalkollox filwaqt li tnejn ohra neħħewha parzjalment. Matul l-2023, il-Malasja u l-Guinea Ekwatorjali wkoll neħħew il-piena tal-mewt.

Ekonomija

Sport