Wednesday, April 24, 2024

Il-Pjazez huma spazji miftuħa għan-nies mhux għal karozzi – Għawdex huwa eżempju ta’ suċċess

Minn Marija Sara Vella Gafa - Sindku tal-Gudja

Aqra wkoll

Meta nsiefru f’diversi bliet ewropej, nitpaxxew bil-ġmiel ta’ pjazzez li għal sekli sħaħ kienu ċentri ta’ kummerċ u tal-attività kwotidjana tal-popolin. L-istess f’diversi rħula pittoreski li żammew l-identità u l-karattru tradizzjonali tagħhom tul iż-żmien. Illum dawn huma mimlija b’ristoranti u kafetteriji li ta’ kuljum ikunu miżgħuta bit-turisti u fejn l-aċċess għal karozzi huwa limitat jew restritt għal kollox. F’Malta din il-kultura għadha mhux daqshekk popolari iżda f’Għawdex qed naraw diversi pjazez li fi tmiem il-ġimgħa jingħalqu għal karozzi u jintlew bin-nies.

Inizjattivi sbieħ li qed jerġgħu jagħtu l-ħajja lil diversi rħula Għawdxin. Inizjattivi li qed jkunu ta’ għajnuna kbira għal każini li qed jinvestu bi sħiħ fit-tagħmir u l-permessi neċessarji biex iservu l-ikel. Forsi xi kultant ma nirrikonoxxux li l-każini tagħna mhux qegħdin hemm għal ġimgħa tal-festa biss. Il-każini jiftħu ta’ kuljum u l-ħidma hija waħda kontinwa fejn jintefqu eluf ta’ ewro kull xahar. Il-fatt li nistgħu noffru opportunità lill-każini li jkollhom dħul diċenti ta’ kull ġimgħa jfisser investiment kbir b’mod indirett fit-tradizzjonijiet u l-festi ta’ pajjiżna.

Nemmen li dan huwa mod għaqli kif Gvern Laburista jkompli jkun ta’ sostenn għal dawn l-għaqdiet waqt li fl-istess ħin jerġa’ jagħti l-ħajja lil pjazez tagħna. Hawn ma nistax ma nagħmilx referenza għal perjodu tal-pandemija fejn il-każini u l-għaqdiet kellhom jagħlqu l-bibien tagħhom għal bosta xhur. Kien l-istess Gvern ta’ Robert Abela li offra l-benefiċċji lis-sidien tal-bars u l-każini biex ikampaw tul dan il-perjodu. Kien l-istess Gvern li nieda l-iskema “Irrestawra l-Każin” b’investiment ta’ €250,000 biex il-każini setgħu jagħmlu xogħlijiet ta’ manutenzjoni fi żmien fejn id-dħul tagħhom kien kważi żero. Dan juri bil-fatti li dan il-Gvern tassew jemmen li l-każini u l-għaqdiet huma r-ruħ soċjali tal-lokalitajiet tagħna.

Hekk kif beda żmien il-festi, qed jkolli l-opportunità niltaqa’ mal-presidenti ta’ diversi każini u jidher ċar li l-eżempju tal-pjazez f’Għawdex huwa wieħed mixtieq ferm anke f’Malta. Bħala Sindku tal-Gudja diġà bdejt diskussjoni mal-każini kollha li jinsabu fil-pjazza tar-raħal u nista’ ngħid li l-interess li l-pjazza tibda tingħalaq filgħaxijiet fi tmiem il-ġimgħa waqt il-ġranet tas-sajf huwa kbir. Dan jagħti lok li jiġu organizzati aktar attivitajiet matul is-sena u mhux biss fil-ġimgħa tal-festi jew fi żmien il-Milied. F’pajjiżna għandna l-vantaġġ li ngawdu minn temp sabiħ kważi s-sena kollha u dan jgħin biex din l-inizjattiva tiġi estiża sakemm it-temp jkun jippermetti.

Nifhem li kull lokalità għandha r-realtajiet u l-esiġenzi tagħha u biex dan isir jeħtieġ koordinament mal-awtoritajiet kkonċernati sabiex jiġu stabbiliti rotot alternattivi għal karozzi u għat-trasport pubbliku. Minkejja dan, nemmen li hekk kif jixhed l-eżempju t’Għawdex, din l-inizjattiva hija fattibbli u tista’ tagħti l-ħajja mill-ġdid lil bosta pjazez Maltin. Dan jikkumplimenta wkoll il-ħidma kontinwa ta’ konservazzjoni tal-bini storiku u anke residenzjali li jinsab fiż-żoni ta’ konservazzjoni urbana (UCA) grazzi għal diversi skemi pubbliċi. Huwa importanti li nżommu l-karattru u nikkonservaw l-estetika ta’ dawn iż-żoni, iżda fl-aħħar mill-aħħar huma n-nies li jagħtu l-ħajja u l-karattru lill-pjazez tagħna. Huwa propju għalhekk li nieħu gost nara diversi proġetti ta’ riġenerazzjoni ta’ pjazez fejn qeda tingħata aktar prijorità pedonali biex ikun hemm aktar aċċess għal pubbliku.

Bħala Sindku tal-Gudja flimkien ma’ sħabi l-Kunsilliera, nemmen li din l-idea tista’ tiġi implimentata u beħsibni nkompli naħdem sabiex dan jseħħ. Ninkoraġġixxi biex din l-idea tiġi diskussa fuq bażi nazzjonali sabiex il-pjazez tagħna jkunu tassew pjazez miftuħa ta’ rikreazzjoni għal komunitajiet tagħna kif ukoll għat-turisti li jżuru pajjiżna.

Sport