Tuesday, May 14, 2024

Il-MPE Cutajar tagħmel pressjoni fuq il-Kummissjoni għal Servizzi ta’ Mobilità Diġitali Multimodali b’saħħithom għal kulħadd

Aqra wkoll

Il-MPE Josianne Cutajar, flimkien ma’ għadd ta’ Membri Parlamentari Ewropej minn partiti u pajjiżi diversi, ħeġġet lill-Kummissjoni Ewropea biex tippreżenta proposta leġiżlattiva robusta dwar is-Servizzi ta’ Mobilità Diġitali Multimodali, li inizjalment kienet inkluża fil-Programm ta’ Ħidma tal-2022.

L-ippjanar u x-xiri ta’ biljetti għal vjaġġi li jikkombinaw operaturi jew mezzi ta’ trasport differenti ħafna drabi jiffaċċjaw nuqqas ta’ informazzjoni u għażliet limitati. Servizzi ta’ mobilità diġitali multimodali għalhekk huma essenzjali biex jitqabblu għażliet u prezzijiet ta’ vjaġġar differenti, u anke biex jiffaċilitaw ix-xiri ta’ prodotti ta’ mobilità.

Dr Cutajar qalet li l-proposta hija opportunità unika biex ikun hemm impatt pożittiv fuq l-ekonomija, is-soċjetà, u l-ambjent, filwaqt li jissaħħu wkoll il-prinċipji ta’ aċċess ġust, raġonevoli u mingħajr diskriminazzjoni fejn jidħlu s-servizzi f’dan il-qasam.

“Għandna bżonn proposta li tindirizza l-prattiċi antikompetittivi tal-atturi dominanti u tagħti s-setgħa lill-konsumaturi billi toffri alternattivi tal-ivvjaġġar bla xkiel u sostenibbli, filwaqt li ssaħħaħ it-trasparenza u tiffaċilita x-xiri tal-biljetti. Dan se jgħin ukoll biex ikollna soluzzjonijiet innovattivi fejn jidħol il-qtugħ tal-biljetti b’mod aktar faċli, anke bejn fruntiera u oħra, u fejn hemm involuti operaturi u mezzi tat-trasport differenti, inkluż fir-rigward tal-ivvjaġġar fil-każ tal-gżejjer,” stqarret Cutajar.

“Għaldaqstant, huwa kruċjali li l-Kummissjoni Ewropea tonora l-impenn tagħha f’dan il-qasam. Min-naħa tagħna, determinati li nkomplu nagħmlu pressjoni dwar din il-kwistjoni jekk in-nuqqasijiet attwali ma jiġux indirizzati”, ikkonkludiet il-MPE Josianne Cutajar.

Sport