Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar proġett bl-intelliġenza artifiċjali li se jkompli jtejjeb l-indafa u l-manutenzjoni tal-pajjiż filwaqt li jgħolli l-kwalità tax-xogħol tal-ħaddiema tad-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni.
Dr Abela ħabbar dan waqt konferenza mtella’ mill-istess diviżjoni u li mmarkat l-investiment ta’ aktar makkinarju li jammonta b’mod totali għal €17-il miljun u kif ukoll iċċelebrat il-kisbiet tal-ħaddiema li ta’ kuljum iwettqu xogħol importanti favur iż-żamma tal-indafa fil-pajjiż.
Filwaqt li l-Prim Ministru ġie spjegat f’aktar dettall il-funzjonijiet differenti tal-makkinarju li ġie inawgurat, huwa ltaqa’ wkoll mal-ħaddiema tad-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni fejn hemmhekk wera l-apprezzament għall-ħidma tagħhom, partikolarment jum qabel jiġi ċċelebrat Jum il-Ħaddiem.
Fid-diskors tiegħu tal-okkażjoni, il-Prim Ministru spjega wkoll f’aktar dettall il-proġett li se jkun qed jinvesti fih il-Gvern favur din id-diviżjoni. Dan jinkludi sistema ta’ drones li mill-ajru tkun tista’ tidentifika l-iskart hi u b’hekk tħaffef il-proċess ta’ tindif, b’mod partikolari f’żoni li huma rurali u bi sfida għall-aċċessibbiltà. “Kuntent ninnota wkoll li fostna hawn l-istudenti Maltin fi ħdan id-Dipartiment tal-Intelliġenza Artifiċjali fl-Università ta’ Malta, li żviluppaw din is-sistema. Kemm għandna nkunu kburin bit-talent li joffri pajjiżna”, spjega l-Prim Ministru hu u jinnota kollaborazzjoni bejn id-Diviżjoni u l-Università.
Dr Abela faħħar il-ħaddiema ta’ Clean Malta li kienu ilhom mat-tletin sena bil-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom l-istess u kien dan il-gvern li fi ftit ġimgħat wara laqgħa mal-Prim Ministru indirizza l-ħtiġijiet tagħhom u tjiebu l-kundizzjonijiet tagħhom. Qal li dawn il-ħaddiema jwettqu xogħol imprezzabbli biex pajjiżna jibqa’ jkun nadif u sabiħ. “Mhux ta’ b’xejn huma ħaddiema kburin b’xogħolhom u aħna wkoll kburin ħafna bihom għax permezz tax-xogħol tagħhom jagħtu valur qawwi lejn il-kwalità tal-ħajja tal-familji tagħna”, qal il-Prim Ministru.
Il-Prim Ministru temm isostni l-importanza ta’ investimenti li mhux biss itejbu lill-pajjiż iżda wkoll jipprijoritizzaw lill-ħaddiem. “Semmejna dawn l-investimenti importanti, però l-fulkru ta’ kollox jibqgħu l-ħaddiema tagħna. Għada niċċelebraw il-festa ta’ Jum il-Ħaddiem li tfakkarna ta’ kull sena fil-valur tal-ħaddiem. Madankollu m’għandniex nistennew nhar l-ewwel ta’ Mejju sabiex niftakru fil-ħaddiema tagħna. Ir-rikonoxximent tagħna lejkom irid jidher u jirrifletti ruħu f’miżuri għalikom matul is-sena kollha”, temm jgħid il-Prim Ministru hu u jirrimarka għal titjib fil-kundizzjonijiet u żidiet fil-pagi tal-ħaddiema b’miżuri li ħa l-Gvern fosthom tnaqqis fit-taxxa u ffirmar ta’ ftehimiet kollettivi.
L-istess konferenza ġiet indirizzata mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli, is-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika, Glenn Bedingfield u d-Direttur Ġenerali ta’ Clean Malta Ramon Deguara.
Il-Ministru Miriam Dalli qalet, “Għandna biex inkunu kburin bil-ħaddiema ta’ CleanMalta. Malta hija aktar nadifa, hija isbaħ u n-nies qed jaraw ir-riżultat tal-bżulija tal-ħaddiema tagħna. L-indafa twassal għal ambjent aktar b’saħħtu, b’komunitajiet aktar b’saħħithom. L-investiment bla preċedent li qed isir f’dan il-qasam qed iwassal mhux biss għal apparat aktar modern u sostenibbli iżda qed jgħin biex inżidu l-ħiliet tal-ħaddiema tagħna. Dan kollu qed jikkontribwixxi biex Malta tibqa’ attraenti għall-investiment u biex il-Gvern jibqa’ jinvesti fin-nies.”
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Glenn Bedingfield spjega kif dan huwa l-punt tat-tluq biex ikollna diviżjoni aktar moderna u ħaddiema b’ħiliet ġodda biex jagħmlu xogħol aħjar u b’anqas tbatija. “Illum qed nibnu fuq ix-xogħol ta’ dawk li kuljum jagħtu s-servizz tagħhom b’dedikazzjoni u integrità. Il-ħaddiema kollha tad-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni huma fiċ-ċentru tal-missjoni tagħna, huma l-mutur wara kull bidla pożittiva li qed naraw fit-toroq u l-ispazji pubbliċi tagħna, u huma wkoll l-ambaxxaturi ta’ Malta aktar nadifa u aktar organizzata. Il-bieraħ fassalna, iżda illum qed nibnu lejn il-Viżjoni Malta 2050. Qed inpoġġu l-ewwel ġebla għal għada. Din mhijiex biss konferenza; hija ċelebrazzjoni tal-impenn tagħkom u t-tmexxija kollettiva lejn futur aħjar”, temm jgħid Bedingfield.
Id-Direttur Ġenerali Ramon Deguara spjega l-avvanzi li għamlet id-Diviżjoni fl-aħħar snin, filwaqt li ta mertu lill-ħaddiema preżenti. “Biex wieħed japprezza fejn qegħdin illum irridu niftakru minn fejn bdejna għal fejn wasalna. Tajna dinjità lill-ħaddiema permezz ta’ uniformi u saħħaħna l-corporate image tad-Diviżjoni. Dan apparti l-investiment multimiljunarju illi sar biex jagħmel ħajjet il-ħaddiema aħjar”, saħaq Deguara.