Fuq stedina tal-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel, il-Prim Ministru Robert Abela attenda għal-laqgħa flimkien ma’ erba’ mexxejja Ewropej bi tħejjija għall-Aġenda Strateġika tal-Unjoni Ewropea għall-ħames snin li ġejjin (2024-2029).
B’din il-laqgħa f’dan il-format iżgħar, issegwi laqgħat oħra ta’ dan it-tip, fosthom dik li attenda l-Prim Ministru għaliha ftit tal-ġimgħat ilu fil-Kroazja biex isir xogħol preparatorju sabiex titfassal l-Aġenda Strateġika għall-mandat li jmiss. Aġenda li tiddirezzjona l-prijoritajiet, li ser jaħdmu fuqhom l-istituzzjonijiet Ewropej fil-ħames snin li ġejjin.
Madwar il-mejda, il-Prim Ministru Robert Abela poġġa ’l quddiem, il-prijoritajiet li huma ta’ importanza għal Malta, prijoritajiet li jduru ma’ dak li qegħdin jgħixu u jesperjenzaw il-familji u li hu ta’ prijorità għalihom. Il-Prim Ministru tkellem dwar prijoritajiet li jduru mal-paċi, it-tkabbir ekonomiku, l-immigrazzjoni, is-soċjal, it-trasport, l-enerġija u s-saħħa fost oħrajn.
Il-Prim Ministru Robert Abela spjega li f’diskussjonijiet bħal dawn fi gruppi iżgħar, il-mexxejja jkunu jistgħu jidħlu aktar fid-dettall dwar kwistjonijiet speċifiċi u li għalhekk id-diskussjoni dwar l-Aġenda Strateġika tipprovdi pjattaforma unika biex isir dan. Bil-prijoritajiet għandhom jiffokaw fuq il-benefiċċji tanġibbli li l-Unjoni tipprovdi għaċ-ċittadini u kif dawn ser inkomplu ntejbuhom.
“Irridu li l-familji tagħna jirrelataw, jifhmu u jgawdu finalment mill-ħidma tal-Unjoni Ewropea u għalhekk jeħtieġ li l-prijoritajiet għall-ħames snin li ġejjin ikunu jirriflettu l-prijoritajiet tan-nies.”
Dwar is-suq uniku, il-Prim Ministru Abela spjega li għad hemm ċirkostanzi fejn ċerti pajjiżi bħal Malta jibqgħu żvantaġġati. Għalhekk, qal li meta nitkellmu dwar is-suq uniku, jeħtieġ li nimxu milli nirrikonoxxu l-isfidi biss u nassiguraw azzjoni konkreta b’mod partikolari fejn jidħol l-aċċess għall-mediċini.
Madwar il-mejda, il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-ħtieġa li nsaħħu r-relazzjonijiet ma’ pajjiżi li għandhom l-istess valuri u prinċipji tagħna, biex tkompli tissaħħaħ is-sigurtà ekonomika.
Fid-diskussjoni dwar l-interkonessjonijiet tal-enerġija u t-trasport, il-Prim Ministru tenna l-importanza li ma tintilifx il-kompetittività Ewropea u li l-pajjiżi membri kollha għandu jkollhom l-istess opportunitajiet. B’din, fi kliem il-Prim Ministru, m’għandiex tkun għażla, għaliex dawn huma kruċjali għall-membri stati, speċjalment għal Malta. “U n-negozji u ċ-ċittadini tagħna, dwar l-isfidi marbuta ma’ dan is-suġġett qegħdin jistennew azzjoni konkreta.”
Mal-mexxejja mbagħad, il-Prim Ministru Robert Abela tkellem fuq pożizzjoni oħra konsistenti li ilna nimbuttaw bħala Gvern Malti. “Meta nitkellmu dwar l-immigrazzjoni, jeħtieġ ħidma koordinata li tipprevjeni t-tluq ta’ immigranti mill-Afrika ta’ Fuq. U dan isir mhux bi sforz u ħidma min-naħa waħda, jiġifieri l-Unjoni Ewropea iżda anki mal-pajjiżi fl-Afrika ta’ Fuq. Id-djalogu ma’ dawn il-pajjiżi huwa kruċjali.”
Ikkonkluda li jeħtieġ nitkellmu u naħdmu id f’id ma’ pajjiżi bħal Libja, xi ħaġa li Malta mbuttat u qed tmexxi ’l quddiem. “Pajjiż b’potenzjal enormi fir-reġjun tal-Mediterran li aħna għandna viżjoni ċara għalih. Li jkun ċentru anki ta’ enerġija nadifa u li joħloq opportunitajiet.”