Thursday, December 26, 2024

Il-PM jappella għal waqfa permanenti mill-ġlied fil-Lvant Nofsani

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Nappella għal darba oħra għal pawża waħda u permanenti. Nerġa’ nappella għal waqfien mill-ġlied fil-Lvant Nofsani, għat-two-state solution, biex tirrenja l-paċi u biex jieqfu l-atroċitajiet.” Qal dan il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela meta kien qed jindirizza attività politika fiċ-Ċentru Laburista ta’ Raħal Ġdid. 

Huwa qal li f’dan il-jum qed infakkru l-vittmi taż-żewġ gwerer dinjin u saħaq li m’hemmx mument aktar propizju minn dan biex ifakkru l-kruha u t-tbatija li ġġib magħha l-gwerra. Saħaq li ma hemm l-ebda dubju li l-Gvern Malti jikkundanna l-attakk li sar mill-grupp terroristiku Ħamas fuq l-Iżrael. Iżda qal li l-ebda dritt ta’ awto-difiża, ma jista’ jissarraf f’ritaljazzjoni li biha jitbiċċru u jiġu mmassakrati tfal innoċenti, ġenituri innoċenti, ċittadini innoċenti u li jkun hemm daqstant telf ta’ ħajjiet innoċenti.

Il-Prim Ministru semma wkoll li huwa se jibqa’ konsistenti fil-messaġġ tiegħu u se jibqa’ jappella favur azzjonijiet li jħarsu l-innoċenti. “Se nibqa’ nappella għal azzjonijiet li jħarsu l-familji innoċenti, ta’ dawk kollha li mingħajr l-ebda tort jispiċċaw jinqatlu u jispiċċaw iltiema,” tenna l-Prim Ministru.

“Differenza mhux biss fit-twemmin iżda wkoll fil-kompetenza”

Intant, fid-diskors tiegħu, Dr Abela tkellem ukoll dwar il-Budget 2024 u għamel aċċenn għad-differenza ċara li ħarġet bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni, li qal li ma kinitx biss fit-twemmin iżda wkoll fil-kompetenza. Qal li l-Oppożizzjoni ma kienet kapaċi tipproponi xejn għall-budget u lanaqas kienet kapaċi tanalizza l-budget. L-ikbar sforz li għamlu kien biss biex in-nies jinsew il-budget,” qal il-Prim Ministru.

Min-naħa l-oħra huwa insista li: “jekk żidna ċ-children’s allowance għamilna dan għall-familji kollha. Jekk saħħaħna l-pensjonijiet għamilna hekk għax nirrikonoxxu s-sehem tal-pensjonanti li tant ħadmu għal pajjiżna. Jekk tajna l-ikbar pakkett ta’ għajnuna kontra l-għoli tal-ħajja, għamilna hekk għax irridu l-ħaddiema jżommu l-purchasing power tagħhom. Hekk taħdem għall-ħaddiema.”

“Biex nagħmlu budget bħal dak li ressaqna ftit tal-jiem ilu, joħodna lura għall-għeruq ta’ dan il-Partit. Dan filwaqt li jżomm lil pajjiżna miexi ‘l quddiem u jimmodernizza. Għalina l-isprazzjoni ta’ dawk li ġew qabilna hija l-ħeġġa li dejjem nibdlu iktar u mhux li neħlu fin-nostalġija tal-passat.” 

Semma wkoll żjara partikolari li kellu fl-aħħar jiem ma’ familja li ispirat waħda mill-iktar miżuri qawwija fil-manifest elettorali u li ġiet introdotta sa mill-ewwel budget ta’ din is-sena. 

“It-tisħiħ fil-Carer’s Grant għal dawk il-ġenituri li minkejja li uliedhom ikunu għalqu s-sittax-il sena, ikunu kostretti jibqgħu d-dar biex jieħdu ħsiebhom għax għandhom diżabbilta’ severa. Tkellimna dwar kemm din il-miżura ħalliet impatt f’ħajjithom. Tkellimna dwar kemm kien ilhom jitkellmu fuq din il-ħtieġa. U kif kien il-Partit Laburista mill-Gvern li sema’ l-karba tagħhom u ta’ familji oħra. Tkellimna wkoll dwar miżuri ġodda li daħħalna f’dan il-budget. Fosthom dwar kemm hi b’saħħitha l-miżura li nibqgħu nagħtu allowance lil dawk il-familji li uliedhom jibqgħu jistudjaw wara l-età obbligatorja. Allowance ta’ €500 fis-sena għal tliet snin.”

Il-Prim Ministru li dawn il-miżuri jixhdu l-prinċipji li jħaddan il-Partit Laburista. L-ewwel, li nkunu hemm għal min jiflaħ l-inqas. “Illum ħafna nies imxew ‘il quddiem. Iżda, jibqa’ min jeħtieġ l-appoġġ tas-soċjeta’.”

It-tieni, il-mobbiltà soċjali. “L-investiment qawwi li qed nagħmlu fl-edukazzjoni huwa proprju għaliex l-edukazzjoni nibqgħu narawha bħala l-aqwa għodda biex il-familji tagħna jimxu ‘l quddiem.”

Il-Prim Ministru semma kif l-inċentiv għal dawk li jkomplu jistudjaw huwa ħolqa minn ħafna miżuri oħrajn. Bl-istess mod hemm l-investiment fl-infrastruttura tal-iskejjel, it-tisħiħ fl-istipendju għal kulħadd u r-riforma biex tinċentiva ċerti setturi fosthom għal dawk li jridu jsiru għalliema f’numru ta’ suġġetti.

U bl-istess mod mal-edukaturi. “L-edukaturi li huma kruċjali jekk irridu sistema edukattiva b’saħħitha. Fil-manifest elettorali tajna kelma li rridu nsaħħu b’mod ‘sostanzjali’, il-kundizzjonijiet tal-edukaturi. Għidtha dakinhar u nerġa’ ngħidha llum. Inżid. Kull meta ġejna biex niddiskutu mal-ħaddiema aħna dejjem poġġejna fuq il-mejda pakkett ta’ miżuri, titjib fil-pagi u fil-kundizzjonijiet, li jtejbulhom il-qagħda tagħhom.”

Dr Abela qal ukoll kif fl-aħħar xhur, dan il-Gvern wasal għal diversi ftehimiet storiċi u b’saħħithom. Pagi u kundizzjonijiet aħjar lill-infermiera u lill-pulizija. U għexieren ta’ ftehimiet storiċi kollettivi li ġew iffirmati għall-ħaddiema tal-forzi tal-ordni.

Il-Prim Ministru semma wkoll kif quddiem dan kollu, irridu nibqgħu nieħdu d-deċiżjonijiet biex il-pajjiż jibqa’ jikber ekonomikament.  

“Flimkien inwettqu l-pjan ta’ Malta Ġusta”

Huwa kompla jgħid li l-valuri li jsawru dan il-moviment huma dawk li jiggwadawhom f’dak li jagħmlu u jgħidu fil-messaġġi tagħhom. Qal li l-istess valuri raw lil dan il-Gvern jikteb budget man-nies u jitħabbar għan-nies. “Għalhekk ħdimna għal komunitajiet isbaħ. Għal komunitajiet aktar siguri u għonja. Dan kien it-tieni budget minn ħamsa. Għalhekk proġetti kapitali aqwa. L-akbar appoġġ lill-familji. L-akbar żieda lill-pensjonanti. Erġajna konna mal-ħaddiema u erġajna inċentivajna lin-negozji. Il-ħolm taż-żgħażagħ irridu nagħmluh realtà, il-familji rriduhom jgħixu aħjar. Il-pensjoanti rriduhom igawdu. In-negozji rriduhom jinvestu aktar. It-tfal irridu noħolqulhom l-opportunitajiet. Quddiemna għadna futur isbaħ. Flimkien se nkomplu mexjin ‘il quddiem. Flimkien inwettqu l-pjan ta’ Malta Ġusta,” temm jgħid il-Prim Ministru.

Ekonomija

Sport