Monday, May 20, 2024

Il-PN b’donazzjoni ta’ rigali lil tfal morda bil-kanċer

Aqra wkoll

Għall-ħames sena konsekuttiva, ilbieraħ saret id-donazzjoni annwali mill-Partit Nazzjonalista għal Puttinu Cares fejn ingħataw rigali lit-tfal morda bil-kanċer.

Quddiem l-Isptar tal-Onkoloġija kienet ippreżentata d-donazzjoni f’isem il-Partit Nazzjonalista, li saret bis-saħħa tal-avveniment Misraħ il-Milied, fejn kull sena waqt din l-attività n-nies li jkunu preżenti jħallu r-rigali, li jingħataw lit-tfal li jinsabu l-isptar f’dan il-perjodu ta’ Festi.

Mart il-Kap tal-Partit Nazzjonalista AnneMarie Grech tkellmet dwar l-iskop ta’ din l-inizjattiva, filwaqt li saħqet dwar l-importanza li f’dawn iż-żminijiet, naħsbu f’dawk li bħalissa għaddejjin minn żmien diffiċli.

Min-naħa tagħha, il-President ta’ Puttinu Cares Angele Cuschieri saħqet dwar il-valur sentimentali ta’ dawn ir-rigali li jingħataw lit-tfal li, meta jaraw dawn ir-rigali, ikollhom tbissima imprezzabbli fuq wiċċhom.

Hi qalet li l-ħidma ta’ Puttinu Cares għaddejja bla waqfien, hekk kif bħalissa qed issaħħu l-operat tagħhom fl-Ingilterra bil-bini ta’ aktar appartamenti f’Londra bl-għan li jkomplu jgħinu aktar pazjenti li jkollhom bżonn il-kura barra minn xtutna.

Preżenti għal din id-donazzjoni, flimkien mal-mara tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, kien hemm ukoll il-Kordinatur ta’ Misraħ il-Milied Robert Cutajar.

Sport