Monday, December 9, 2024

Il-PN iwaqqa’ l-maskra tad-double standards dwar is-saltna tad-dritt, il-governanza tajba u l-libertà tal-espressjoni

Aqra wkoll

Il-Partit Nazzjonalista jagħmilha taparsi ta’ paladin tas-saltna tad-dritt u l-libertà tal-espressjoni, imbagħad fl-ewwel okkażjoni li jkollu jwaqqa’ l-maskra tad-double standards u l-ipokresija

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, id-Deputat Prim Ministru Ian Borg, tkellem dwar il-konferenza tal-OSCE li għadha kif tlaqqgħet f’pajjiżna u qal li matulha pajjiżna kellu ċ-ċans li juri x’inkiseb fuq temi importanti bħas-saltna tad-dritt, it-tisħiħ tad-demokrazija u l-protezzjoni tal-ġurnalisti. Żied jgħid li pajjiżna elenka r-riformi u l-kisbiet li għamel f’dawn l-oqsma, iżda rrimarka li dwar din il-konferenza li tlaqqgħet f’Malta, il-PN lanqas biss semma kelma waħda.  

Id-Deputat Prim Ministru tkellem dwar kif għall-PN hemm liġi għall-poplu u liġi oħra differenti għal tal-klikka tiegħu, fosthom fuq l-etika fost il-Membri Parlamentari.  Dr Borg fakkar kif kien Gvern Laburista li ntroduċa l-Uffiċċju u l-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika sabiex jiġu osservati l-kodiċi tal-etika tad-deputati Parlamentari, liema kodiċi jgħoddu għaż-żewġ naħat tal-Kamra u mhux għal naħa waħda biss.

Irrefera għaż-żamma tal-finanzi tal-PN u l-flus tal-Kap tal-Oppożizzjoni nnifsu u saħaq li jistenna li Bernard Grech għandu jkun aktar trasparenti u jippubblika l-kontijiet tal-PN kif inhu obbligat skont il-liġi, filwaqt li għar minn hekk, kompla Dr Borg, id-double standards u l-ipokrezija tiżboq meta niġu għall-flus tiegħu stess hekk kif s’issa għadu ma spjegax minn fejn ġab l-għexieren ta’ eluf t’ewro biex iħallas il-pendenzi li kellu wara li evada t-taxxa qabel sar Kap. 

Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll mid-Deputat Laburista Amanda Spiteri Grech li saħqet li l-PN huwa l-partit tad-double standards anke fil-konfront tal-ġurnalisti għax minkejja li jħobb jippontifika fuq il-libertà tal-espressjoni u kemm għandu għal qalbu l-ġurnalisti, f’temp ta’ ġimgħatejn żewġ ġurnalisti ta’ ONE News spiċċaw imblukkati u attakkati minn esponenti tal-PN waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.

Dr Spiteri Grech semmiet ukoll il-każ tal-ispots tal-Budget 2025 u li huwa każ ieħor t’ipokrezija tal-PN. Dan hekk kif minkejja li pprova jimblokka dawn l-ispots milli jixxandru fuq l-istazzjon nazzjonali, il-PN ma ddejjaq xejn ixandarhom bi ħlas fuq l-istazzjon tiegħu stess.

Spjegat kif kien Gvern Laburista li dejjem ra kif jipproteġi lill-ġurnalisti meta neħħa l-libell kriminali, kien l-ewwel pajjiż Ewropew li daħħal fis-seħħ id-direttiva Anti-Slapp, u ressaq fil-Parlament tliet abbozzi ta’ liġijiet fuq il-protezzjoni tal-ġurnalisti. 

Saħqet li każ ieħor ta’ double standards mill-PN, meta jgħid li jemmen fiż-żgħażagħ u fl-istess waqt jimmina lil Glenn Micallef, żagħżugħ Malti fil-proċess għall-ħatra ta’ Kummissarju Ewropew.

Lill-PN ma tistax tafdah, għax għandu Kap tal-Oppożizzjoni li lest jagħmel minn kollox biex jaħtaf il-poter taħt idejh.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport