Il-Partit Nazzjonalista ta’ Alex Borg qed ikompli bit-tradizzjoni tal-Kapijiet ta’ qablu fit-tkaxkir tas-saqajn fuq kull riforma li ssaħħaħ l-ugwaljanza.
Wara jiem jipprova jostakola li jitlaqqa’ l-Kumitat Parlamentari dwar l-abbozzi tal-liġijiet biex jiddiskuti l-ħolqien tal-Kummissjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ugwaljanza, dalgħodu l-Partit Nazzjonalista ħa pożizzjoni mill-iktar surreali.
Minflok ġew fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż ippreparati biex iressqu l-emendi, id-deputati tal-Oppożizzjoni Ivan Castillo, Rebecca Borg u Graziella Attard Previ għażlu li jgħidu biss li għandhom bżonn iktar ħin biex jistudjaw l-abbozz tal-liġi.
Fil-kumitat Parlamentari, il-Partit Nazzjonalista rrepeta li se jastjeni wara kull waħda mis-60 klawsola ta’ dan l-abbozz ta’ liġi.
Dan huwa abbozz li ilu għand l-Oppożizzjoni sa minn Marzu li għadda, iktar minn 4 xhur, kif ikkonfermat id-deputat Attard Previ stess.
Il-Parit Nazzjonalista qed isib l-iskużi kollha biex ma jivvutax favur pass ieħor storiku f’pajjiżna li jipproteġi liċ-ċittadini minn kull forma ta’ diskriminazzjoni u fastidju, inkluż dak li jseħħ permezz ta’ sistemi elettroniċi u l-midja soċjali.
Il-poplu jaf li dan huwa l-istess Partit Nazzjonalista li astjena jew saħansitra vvota kontra l-unjoni ċivili, iż-żwieġ indaqs u l-addozzjoni tat-tfal, u l-bidliet fl-IVF.
Huwa ċar li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ l-partit tal-astensjoni li ma jitlifx ċans wieħed biex jipprova jwaqqaf riformi favur l-ugwaljanza.
