Monday, May 13, 2024

“Il-politika soċjali u ambjentali spikkaw fil-Budget 2022”

Aqra wkoll

L-ekonomista Prof. Philip von Brockdorff b’reazzjoni għall-budget 2022

Il-Kap tad-Dipartiment tal-Ekonomija fl-Università ta’ Malta, il-Professur Philip von Brockdorff f’kummenti li ta lil L-Orizzont stqarr li fid-diskors tal-Budget 2022 spikkaw żewġ aspetti importanti: il-politika soċjali u l-politika ambjentali. 

Huwa sostna li ż-żidiet fil-pensjonijiet kienu mistennija iżda ma’ dawn hemm sensiela ta’ miżuri li għandhom l-għan li jkomplu joħolqu stabbilità soċjali f’pajjiżna fix-xhur u snin li ġejjin. 

Dwar miżuri oħra, Prof von Brockdorff semma kif dawn se jwasslu biex ikun hemm titjib fil-kundizzjonijiet tal-ħaddiema b’pagi baxxi fosthom portal elettroniku li jassigura li ħaddiema jkollhom kuntratt ta’ xogħol skont l-liġi. Iż-żieda fl-in-work benefit hi wkoll miżura li se tgħin lil ħafna familji bi dħul medju.

“Settur ieħor fejn rajna enfasi kbira hu dak tal-ambjent b’miżuri kemm għaċ-ċittadini u għan-negozji. Il-qasam ambjentali se jkun determinanti għat-tkabbir ekonomiku sostenibbli fix-xhur u snin li ġejjin tant hu hekk li apparti l-finanzi pubbliċi se jkun hemm fondi mill-Unjoni Ewropea mis-sena d-dieħla li se jwasslu wkoll għal tkabbir ekonomiku ta’ madwar 0.5 fil-mija tal-Prodott Gross Domestiku kull sena mis-sena 2022 u lil hinn”.

F’dan ir-rigward, sostna l-ekonomista, jekk hemm kritika dwar id-diskors tal-Budget hu li naqas li jsemmi kif il-miżuri li tħabbru se jkunu integrati f’dak li qed jissejjaħ in-NextGenerationEU fejn hemm indikat viżjoni aktar fit-tul fil-qasam ambjentali u dak digitali fost oħrajn.

Miri oħra importanti tal-Budget huma r-rata ta’ tkabbir ekonomiku ta’ aktar minn sitta fil-mija f’termini reali. Dik tista’ tidher bħala mira ambizzjuża minħabba żviluppi internazzjonali fosthom iż-żieda fil-prezzijiet tal-gass naturali u problemi ta’ provvista bħal semi-conductors u materja prima bħal ħadid.

“L-ekonomija tagħna tiddependi wkoll minn dawn l-iżviluppi internazzjonali għaldaqstant huwa neċessarju li l-Gvern isegwi dawn l-iżviluppi fix-xhur li ġejjin u fejn meħtieġ jirrevedi l-miri elenkati t-Tnejn. Dawn l-iżviluppi jistgħu wkoll jaffettwaw l-miri fit-tnaqqis tad-defiċit li wkoll tista’ tidher ambizzjuża f’mument ta’ inċertezza internazzjonali. Wieħed jittama li l-Unjoni Ewropea tieħu pożizzjoni komuni fuq iż-żidiet fil-prezzijiet internazzjonali tal-gass naturali kif ukoll dwar id-dipendenza qawwija fuq semi-conductors manifatturati fl-Ażja”.

Irrimarka wkoll li bla dubju miżura kuraġġuża oħra kienet dik ta’ trasport pubbliku b’xejn li tista’ eventwalment twassal għal modal shift fil-qasam ta’ trasport. Naturalment miżura bħal din tfisser żieda fin-nefqa pubblika fejn id-dħul mit-taxxi irid jiġi minn tkabbir ekonomiku li jwassal għal aktar dħul mill-VAT u mit-taxxa tad-dħul, u kif ukoll li l-ġbir tat-taxxi ikun aktar effiċjenti u dak li hu dovut jitħallas fil-waqt. 

“Din hi sfida li għandu l-Gvern fejn it-tax compliance kienet dejjem problema għall-awtoritajiet responsabbli mill-ġbir tat-taxxi. Madankollu l-ekonomija f’pajjizna wriet ir-reżiljenza tagħha waqt il-pandemija u din l-istess reżiljenza se tkun determinanti fi-xhur li ġejjin biex ikollna tkabbir ekonomiku b’saħħtu u fl-istess waqt sostenibbli”, temm jirrimarka l-Prof von Brockdorff.

Sport