Skont l-aħħar projezzjonijiet demografiċi mill-Eurostat, il-popolazzjoni tal-Unjoni Ewropea hija mistennija tonqos b’mod sinifikanti sal-aħħar tas-seklu. Fil-fatt, iċ-ċifri ppubblikati juru li bejn l-2025 u l-2100, huwa mistenni li jkun hemm tnaqqis ta’ 11.7%, li jikkorrispondi għal madwar 53 miljun persuna inqas fil-blokk Ewropew.
Fl-2025, il-popolazzjoni tal-UE kienet stmata għal 451.8 miljun. Din iċ-ċifra kienet tirrifletti rkupru moderat wara t-tfixkil demografiku kkawżat mill-pandemija tal-COVID-19 fl-2021, li kienet waqqfet temporanjament ix-xejra ta’ tkabbir.
Fil-fatt, il-popolazzjoni reġgħet bdiet tiżdied mill-2022 u hija mistennija tilħaq il-quċċata tagħha fl-2029, b’madwar 453.3 miljun persuna. Wara dan, madankollu, il-projezzjonijiet jindikaw tnaqqis gradwali u persistenti, li jwassal għal total ta’ 398.8 miljun sas-sena 2100.
Iż-żgħar jonqsu u l-kbar jiżdiedu
Wieħed mill-aktar aspetti notevoli ta’ dawn il-projezzjonijiet hija l-bidla fil-kompożizzjoni tal-età tal-popolazzjoni fil-kontinent tagħna. Bejn l-2025 u l-2100, is-sehem tat-tfal u ż-żgħażagħ (0–19 sena) huwa mistenni jonqos minn 20% għal 17%. Bl-istess mod, il-popolazzjoni fl-età tax-xogħol (20–64 sena) hija pproġettata li tonqos minn 58% għal 50%.
Min-naħa l-oħra, il-popolazzjoni anzjana se tkompli tikber. Din ix-xejra kienet pjuttost mistennija. Is-sehem ta’ persuni bejn 65 u 79 sena huwa mistenni li jiżdied minn 16% għal 17%, filwaqt li dawk li għandhom 80 sena u aktar huma pproġettati li jiżdiedu b’mod sostanzjali – minn 6% għal 16%. Dan ifisser li proporzjon dejjem akbar tal-popolazzjoni Ewropea se jkun magħmul minn anzjani, b’implikazzjonijiet diretti fuq is-sistemi tas-saħħa, il-pensjonijiet u s-suq tax-xogħol.
Popolazzjoni li qiegħda tixjieħ
Il-piramida tal-popolazzjoni tal-UE għall-2025 diġà turi sinjali evidenti ta’ soċjetà li qiegħda tixjieħ. Dan hekk kif hemm stennija ta’ għomor itwal, mortalità relattivament baxxa u rati ta’ twelid limitati. Il-maġġoranza tal-popolazzjoni tinsab fl-età tax-xogħol, iżda b’proporzjon dejjem akbar ta’ persuni ’l fuq minn 50 sena. Dan filwaqt li l-preżenza ta’ żgħażagħ tibqa’ relattivament baxxa.
Sal-2100, din il-piramida hija mistennija tinbidel b’mod sinifikanti, b’forma aktar “invertita”. Dan jirrifletti popolazzjoni li mhux biss qiegħda tonqos, iżda qiegħda wkoll tixjieħ b’rata mgħaġġla. Il-konsegwenzi ta’ din il-bidla demografika huma profondi: pressjoni akbar fuq il-finanzi pubbliċi, nuqqas potenzjali ta’ ħaddiema u ħtieġa dejjem tikber għal politiki li jindirizzaw l-inklużjoni attiva tal-anzjani tagħna fis-soċjetà.
Fl-aħħar mill-aħħar dawn ix-xejriet iqajmu mistoqsijiet kruċjali dwar il-futur ekonomiku u soċjali tal-Unjoni Ewropea. Kif se jiġu sostnuti s-sistemi tal-benesseri? Xi rwol se jkollha l-migrazzjoni biex tibbilanċja t-tnaqqis fil-popolazzjoni u kif jistgħu l-pajjiżi membri jadattaw għal realtà demografika ġdida?
It-tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet se jkunu determinanti għall-iżvilupp sostenibbli tal-Ewropa fis-sekli li ġejjin.
Id-dejta ppubblikata mill-Eurostat tirrifletti suppożizzjonijiet ta’ konverġenza parzjali bejn il-pajjiżi tal-UE fir-rigward tal-fertilità, il-mortalità u l-migrazzjoni. Tajjeb li nsemmu li minkejja dawn is-suppożizzjonijiet, id-dinamika demografika tibqa’ suġġetta għal inċertezzi partikolarment fir-rigward tal-flussi migratorji u l-bidliet fil-politiki soċjali.

