Sunday, November 24, 2024

Il-POU titlob laqgħa mal-Kummissarju tal-Pulizija għal kundizzjonijiet aħjar

Aqra wkoll

Il-Police Officers Union talbet laqgħa mal-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa sabiex jiġu riveduti ċertu sitwazzjonijiet li qed jaffettwaw direttament lill-Pulizija tad-distrett. L-Union sostniet tgħid li minkejja li dawn l-uffiċjali jħabbtu wiċċhom ma’  kull reat, sal-ġurnata tal-lum, dawn huma uħud mill-ftit fil-Korp li għadhom mingħajr l-allowance speċjali li jirċievu l-Pulizija tat-Taqsimiet.

Il-Union iddeskriviet lill-Pulizija stazzjonati fid-distrett bħala l-“faċċata tal-Korp” u żiedet tgħid li ħafna drabi jkunu l-ewwel persuni li jaffaċċjaw lill-pubbliku f’diversi sitwazzjonijiet. Barra minn hekk dawk tal-komunità kif ukoll dawk f’taqsimiet oħra jirreferu lill-pubbliku biex jagħmel ir-rapporti tiegħu fl-għeqreb għases għall-konvenjent tiegħu.

Il-POU innutat li attwalment in-numru ta’ uffiċjali tal-Pulizija qiegħed dejjem jonqos għall-ispejjeż ta’ taqsimijiet u sezzjonijiet oħrajn fi ħdan il-korp tal-Pulizija. Hawnhekk il-union saħqet li l-amministrazzjoni mhijiex taprezza s-sagrifiċċji kollha li għaddejjin minnhom dawn il-ħaddiema u ħolqot regoli ġodda mingħajr l-ebda konsultazzjoni ma’ dawk affettwati direttament.

“Il-moral fid-distrett jinsab fil-qiegħ, in-nuqqas ta’ riżorsi uman qiegħed iwassal għal ħaddiema jbatu biex sempliċiment jieħdu dritt bażiku ta’ ġurnata leave. Hemm bżonn li l-istrateġija tal-korp tisma’ u tara qabel tiddeċiedi”, temmet tgħid il-POU.

Sport