Il-pożizzjoni tal-Istati Uniti dwar il-Falklands qed tiġi riveduta

Aqra wkoll

Il-President Amerikan Donald Trump qanqal kontroversja mal-Gvern Ingliż wara li stqarr li l-pożizzjoni tal-Istati Uniti dwar il-Gżejjer Falklands hija waħda minn ħafna li qed jiġu riveduti, filwaqt li huwa ħeġġeġ lir-Renju Unit biex iżid in-nefqa militari.

Il-ġurnal The Daily Telegraph irrapporta li uffiċjali tad-difiża Amerikani kienu qed ifasslu proposti biex iħeġġu lill-alleati tan-NATO jilħqu l-impenji tagħhom dwar in-nefqa, fejn fost l-għażliet possibbli kien hemm it-theddida li tiġi kkontestata s-sovranità tar-Renju Unit fuq il-Falklands.

Il-gvern tar-Renju Unit wieġeb billi stqarr li l-abitanti tal-Gżejjer Falkland huma Brittaniċi u għandhom id-dritt li jiddeterminaw huma il-futur tagħhom stess.

Il-Gżejjer Falkland, li jinsabu fil-Lbiċ tal-Oċean Atlantiku, għadhom is-suġġett ta’ tilwima dwar is-sovranità bejn il-Gran Brittanja u l-Arġentina. Iż-żewġ pajjiżi ġġieldu gwerra qasira iżda ħarxa fuq dan it-territorju fl-1982.

Forza militari Brittanika keċċiet lill-forzi Arġentini, li kienu niżlu fil-Falklands biex isostnu pretensjoni territorjali. Il-konflitt, li dam 74 jum, wassal għall-mewt ta’ 255 membru tal-militar Brittaniku, tliet abitanti tal-gżejjer u 649 membru tal-militar Arġentin li jinkludu 323 fl-għarqa tal-Flagship tan-Navy tal-Arġentina, il-Cruiser General Belgrano.

Amministrazzjonijiet preċedenti tal-Istati Uniti rrikonoxxew formalment l-amministrazzjoni “de facto” tar-Renju Unit fuq il-gżejjer, iżda ma ħadux pożizzjoni formali dwar is-sovranità.

Il-kummenti ta’ Trump ġew deskritti bħala “bla sens” mid-Deputat Laburista Dame Emily Thornberry, li tippresiedi l-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tal-House of Commons waqt li talbet lill-gvern tar-Renju Unit biex joħroġ tweġiba uffiċjali dwar il-kummenti ta’ Trump.

Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Uma Kumaran ukoll wieġbet li r-Renju Unit m’għandu l-ebda dubju dwar is-sovranità tiegħu fuq il-Gżejjer Falkland. “Dawn huma, u dejjem se jibqgħu, territorju Brittaniku lil hinn mill-baħar, skont ix-xewqat tal-abitanti tal-gżejjer” hija stqarret.

F’dawn l-aħħar jiem reġgħu ħarġu wkoll rapporti dwar din il-proposta b’rabta mal-infiq tad-difiża. Il-Prim Ministru tar-Renju Unit Andy Burnham qal li se jonora impenn li sar mill-predeċessur tiegħu, Sir Keir Starmer, biex sal-2035 jiġu allokati 3.5% tal-Prodott Domestiku Gross (PDG) tar-Renju Unit għall-infiq ewlieni tad-difiża.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport