Il-President tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran, Masoud Pezeshkian, nhar it-Tlieta, stqarr li pajjiżu huwa ppreparat li jirrispondi b’mod reċiproku għal kwalunkwe mossa mill-Istati Uniti. Din ir-rimarka tindika li jista’ jkun hemm ritorn għall-ftehim interim ta’ waqfien mill-ġlied li kien falla.
Waqt is-summit tal-Organizzazzjoni ta’ Kooperazzjoni ta’ Shanghai (SCO) li qed jitlaqqa’ f’Bishkek, il-Kirgiżistan, Pezeshkian iddikjara b’mod espliċitu li jekk l-Istati Uniti terġa’ timpenja ruħha skont il-memorandum ta’ ftehim, l-Iran lest jieħu azzjoni reċiproka immedjata.
Il-President Iranjan madankollu ma naqasx li jakkuża lill-Istati Uniti li qed tmur lura mill-impenji tagħha stess skont kif indikat fil-ftehim li sfaxxa f’Ġnju, biż-żewġ naħat jakkużaw lil xulxin li kisru t-termini tal-ftehim.
Dak iż-żmien, l-Istati Uniti wettqet attakki fuq miri Iranjani wara dak li sejħet bħala aggressjoni kontinwa kontra t-tbaħħir kummerċjali fl-Istrett ta’ Hormuz wara li drone Iranjan laqat tanker bil-bandiera tal-Panama. L-Iran qal ripetutament li kien se jippermetti tbaħħir libera fl-Istrett, iżda bit-termini tiegħu. Soluzzjoni diplomatika għall-kunflitt iżda għadha tidher diffiċli biex tinstab.
Il-kummenti tiegħu Pezeshkian qalhom ftit wara li l-Istati Uniti u l-Iran attakkaw lil xulxin għall-ewwel darba f’aktar minn xahar. L-Istati Uniti qalet li nhar il-Ħadd laqtet forzi Iranjani li kienu qed ipoġġu l-mini fuq il-Gżira ta’ Larak, fl-Istrett ta’ Hormuz, u li bi tweġiba għal dan, l-Iran immira lejn il-forzi Amerikani fil-Lvant Nofsani.
Il-President Amerikan Donald Trump sostna mal-ġurnalisti fl-Uffiċċju Ovali nhar it-Tnejn li se jkun hemm “reazzjoni qawwija” għall-attakki Iranjani, iżda sostna li l-aħħar azzjonijiet militari ma kinux ifissru ritorn għal gwerra fuq skala sħiħa.
Sadanittant, il-laqgħa tal-SCO qed issir hekk kif l-invażjoni fuq skala sħiħa tar-Russja fl-Ukrajna tkompli għaddejja għal aktar minn erba’ snin.
Il-President Russu Vladimir Putin, qabel bdiet il-laqgħa iltaqa’ mal-President Ċniż Xi Jinping, li pprovda lir-Russja b’appoġġ ekonomiku impliċitu matul il-gwerra fl-Ukrajna. Skont Xi, il-ftehim bejn iċ-Ċna u r-Russja issoda aktar u l-prospetti tiegħu se jkunu saħansitra isbaħ.
L-SCO huwa blokk promoss mir-Russja u ċ-Ċna bħala alternattiva għall-poter tal-Punent. Fil-passat serva l-aktar għal diskussjonijiet ekonomiċi, iżda f’dawn l-aħħar snin Moska u Beijing ħadmu biex isaħħu l-importanza tiegħu.
Fost l-għaxar membri tiegħu hemm l-Indja u l-Pakistan, filwaqt li l-ħmistax-il sieħba tad-djalogu jinkludu lit-Turkija u lill-Qatar, fost oħrajn.


