Kap ta’ dar għal persuni b’diżabilità intbagħat il-ħabs talli abbuża sesswalment lir-residenti

Aqra wkoll

Qorti fil-Korea t’Isfel ikkundannat għall-ħabs lill-eks direttur ta’ dar għall-kura ta’ persuni b’diżabilità talli abbuża sesswalment minn diversi residenti. Malli sar magħruf, dan il-każ ħasad lill-pajjiż kollu.

Ir-raġel, li ismu xxandar biss bħala Kim, ingħata sentenza ta’ 15-il sena ħabs talli abbuża minn tliet residenti fiċ-ċentru Saekdongwon fil-belt ta’ Incheon, fil-punent tal-belt kapitali Seoul.

Il-pulizija bdiet tinvestiga lil Kim wara li waħda mill-vittmi tiegħu – mara b’diżabilità intellettwali severa – resqet ’il quddiem u rrappurtat il-kaz fi Frar tas-sena l-oħra. Dan wassal lill-gvern biex jispezzjona 1,507 faċilità tal-kura għal persuni b’diżabilità madwar il-pajjiż, fejn instabu 33 każ ta’ suspett ta’ abbuż.

Il-Prim Ministru tal-Korea t’Isfel, Kim Min-seok, iddeskriva l-abbuż f’Saekdongwon bħala “kwistjoni serja li tqajjem dubji dwar ir-raġuni stess tal-eżistenza tal-istat”.

Il-Kontea ta’ Ganghwa ikkummissjonat valutazzjoni dettaljata tar-residenti u sabet li 20 residenta – kemm tal-lum kif ukoll tal-passat – setgħu sfaw vittmi ta’ abbuż sesswali.

Ħafna fil-Korea t’Isfel staqsew kif seta’ jseħħ każ bħal dan, speċjalment wara li fl-2011 ġew imsaħħa l-liġijiet biex jipproteġu lin-nies b’diżabilità minn vjolenza sesswali. Xi wħud qajmu wkoll mistoqsijiet dwar kif l-azzjonijiet tad-direttur setgħu baqgħu ma ġewx skoperti għal żmien daqshekk twil.

Il-Kontea ta’ Ganghwa ordnat l-għeluq ta’ Saekdongwon, filwaqt li uffiċjali tal-Belt ta’ Incheon irrevokaw il-liċenzja tal-fondazzjoni li kienet tmexxih.

Madankollu, l-għeluq ġie pospost sakemm ir-residenti li fadal jiġu trasferiti lejn djar oħra u jitlestew l-arranġamenti għal ħajja indipendenti. 

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport