Sunday, November 24, 2024

Il-President jisħaq fuq il-ħtieġa li tissokta l-ħidma sabiex nagħrfu nużaw tajjeb l-ilsien Malti

Aqra wkoll

L-użu tajjeb tal-ilsien Malti ilu li tpoġġa fuq l-aġenda nazzjonali billi huwa l-ogħla sors ta’ identità tal-Maltin. F’dan il-kuntest il-President ta’ Malta George Vella saħaq fuq il-ħtieġa li tissokta l-ħidma sabiex il-poplu Malti jagħraf juża l-ilsien nazzjonali tiegħu tajjeb. 

L-Eċċellenza Tiegħu il-President saħaq fuq dan meta kien qed jitkellem waqt serata organizzata f’Jum l-Akkademja tal-Malti, li matulha ppreżenta l-Midalja tad-Deheb ‘Ġieħ l-Akkademja tal-Malti’ 2021 lill-Prof. Manwel Mifsud. Din l-onorifiċenza tingħata lil min ikun iddistingwa ruħu b’ħidma tul ħajtu kollha għall-ilsien Malti u għal-letteratura Maltija.

Il-President irrimarka li ħidmet il-Prof. Mifsud bħala għalliem tad-dinamika tat-taħlit fl-ilsien Malti u tal-morfoloġija storika tal-Malti għandha tixprunana biex nagħmlu dak kollu possibbli biex ilsienna ngħożżuh u nagħrfu nużawh kif inhu xieraq. Fakkar li l-Prof. Mifsud ta kontribut importanti, eżempju ċar ta’ kif ħidmet lingwista bħalu tista’ tħalli l-frott tant mixtieq meta tmiss mal-ambjenti u l-imkejjen fejn titħaddem il-lingwa. Il-kontribut tiegħu jista’ jinġabar ukoll f’lista twila fejn tidħol l-espressjoni kreattiva popolari bħalma hi l-kanzunetta Maltija.

“Dan mhux l-unika unur li rrikonoxxa l-ħidma u l-kontribut tal-Prof. Mifsud,” qal il-President. “Dan tal-lum ma hu xejn għajr ħolqa li torbot mal-premju Ewropew għal-Letteratura li ngħata lill-Prof. Mifsud fl-2011 u r-rikonoxximent uffiċċjali tal-istat meta l-Profs Mifsud ġie maħtur bħala membru tal-Ordni tal-Mertu tar-Repubblika fl-2013 mill-predeċessuri tiegħi. Konvint li dan il-ġieħ se jilqgħu wkoll bl-istess umiltà u li jinkoraġġih  ikompli b’ħidmietu b’risq il-lingwa Maltija.”

Il-President awgura li l-ħidma tkompli sabiex dan il-legat ma jkunx biss mument marbut ma’ rikonoxximent ta’ ħidma li seħħet diġà b’tant impenn iżda wkoll il-punt tat-tluq għal impenn dejjiem favur ilsienna.

Fost dak li attendew għas-serata, li saret fil-Palazz ta’ Sant’Anton taħt il-patroċinju distint tal-President u tas-Sra Vella, kien hemm membri tal-Akkademja tal-Malti kif ukoll qraba u ħbieb tal-Prof. Mifsud.

Sport