L-E.T. Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta, se tipparteċipa fil-21 Laqgħa tal-Grupp Arraiolos, li se ssir fil-15 u s-16 ta’ Ottubru 2026 f’Ljubljana, fis-Slovenja.
Il-laqgħa ta’ din is-sena se tkun ospitata mill-President tar-Repubblika tas-Slovenja, Nataša Pirc Musar, u se tlaqqa’ flimkien Presidenti ta’ Stati Membri tal-Unjoni Ewropea li għandhom rwol mhux eżekuttiv.
Id-diskussjonijiet se jiffukaw fuq is-sigurtà u r-reżiljenza tal-Unjoni Ewropea, ir-rwol tagħha fix-xena internazzjonali, il-multilateraliżmu u l-futur tal-istituzzjonijiet internazzjonali.
Il-Grupp Arraiolos huwa forum informali li twaqqaf fl-2003, bil-laqgħat tiegħu joffru lill-Presidenti parteċipanti spazju għal skambju miftuħ ta’ fehmiet dwar kwistjonijiet Ewropej u internazzjonali ta’ interess komuni.
Sakemm il-President tkun barra minn Malta, Helena Dalli se sservi fil-kariga ta’ Aġent President ta’ Malta.

