Saturday, April 27, 2024

Il-President tal-Afrika t’Isfel iddiżappuntat bir-restrizzjonijiet tal-ivjaġġar li saru fuq pajjiżu

Aqra wkoll

Il-president tal-Afrika t’Isfel Cyril Ramaphosa ikkundanna d-deċiżjoni meħuda minn diversi pajjiżi dwar l-ivvjaġġar hekk kif bosta kienu dawk li daħlu fis-seħħ il-projbizzjoni tal-ivvjaġġar lejn u minn pajjiżi tal-Afrika t’Isfel.

Il-President tal-Afrika t’isfel qal li jinsab ferm diżappuntat bl-azzjoni ta’ diversi pajjiżi li ddeskriviha bħala mhux ġustifikata u appella biex tali projbizzjoni tal-ivvjaġġar titneħħa minnufih.

Fid-diskors tiegħu tal-Ħadd, Ramaphosa qal li ma kien hemm l-ebda bażi xjentifika għall-projbizzjonijiet tal-ivvjaġġar u li l-Afrika t’Isfel kienet vittma ta’ diskriminazzjoni inġusta.

Sostna wkoll li l-projbizzjonijiet mhumiex effettivi biex jipprevjenu t-tixrid tal-varjant u qal li l-unika ħaġa li se tagħmel il-projbizzjoni tal-ivvjaġġar hija li tkompli tagħmel ħsara lill-ekonomiji tal-pajjiżi affettwati.

Ir-Renju Unit, l-UE u l-Istati Uniti huma fost dawk li imponew projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar.

Omicron ġie kklassifikat bħala “varjant ta’ tħassib”. Il-varjant b’mutazzjoni kbira nstab fl-Afrika t’Isfel aktar kmieni dan ix-xahar u mbagħad irrappurtat lill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) nhar l-Erbgħa li għadda.

Il-varjant huwa responsabbli għall-biċċa l-kbira tal-infezzjonijiet misjuba fil-provinċja l-aktar popolata tal-Afrika t’Isfel, Gauteng, matul l-aħħar ġimgħatejn, u issa huwa preżenti fil-provinċji l-oħra kollha fil-pajjiż.

Sport