Il-Malta Development Association (MDA) laqgħet b’sodisfazzjon il-messaġġ li wassal il-Ministru għall-Infrastruttura, l-Ippjanar u x-Xogħol, Jonathan Attard, waqt attività organizzata mill-Assoċjazzjoni, fejn tenna l-impenn tal-Gvern li jkompli jwettaq riformi li jsaħħu l-effiċjenza, il-ġustizzja u l-kwalità fis-settur tal-iżvilupp u l-kostruzzjoni.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-MDA, Michael Stivala, irringrazzja lill-Ministru Attard u lill-Gvern għall-approċċ li adottaw f’dawn l-aħħar xhur, approċċ ibbażat fuq konsultazzjoni ġenwina mas-settur qabel ma jittieħdu deċiżjonijiet importanti.
Huwa irrefera wkoll għall-kollaborazzjoni bejn il-Gvern u l-MDA biex tinstab soluzzjoni għall-isfidi marbuta mar-rimi tal-iskart tal-kostruzzjoni, filwaqt li tenna li d-djalogu bejn il-Gvern u l-partijiet interessati jibqa’ kruċjali biex jinstabu soluzzjonijiet konkreti fl-interess tal-pajjiż.
Il-MDA tapprezza Gvern li mhux biss jisma’ lill-partijiet interessati, iżda li jkollu wkoll ir-rieda u l-kapaċità li jwettaq u jimplimenta r-riformi meħtieġa.
Il-President tal-MDA tkellem ukoll dwar pass storiku ieħor għas-settur, l-implimentazzjoni tal-Kodiċi tal-Bini. Huwa qal li wara għexieren ta’ snin ta’ diskussjonijiet u stennija, pajjiżna jinsab qrib li, fix-xhur li ġejjin, ikollu fis-seħħ Kodiċi tal-Bini modern li se jwassal għal standards ogħla ta’ kwalità, sigurtà u professjonalità fis-settur tal-kostruzzjoni.
Stivala sostna li dawn il-kodiċi se jkunu punt ta’ referenza importanti għall-futur tal-industrija, filwaqt li se jkomplu jsaħħu l-fiduċja tal-pubbliku u jkomplu jtejbu l-livell tal-ambjent mibni f’Malta.
Hawnhekk Stivala żied jappella biex ikun hemm aktar ħidma biex titnaqqas il-burokrazija żejda fil-proċessi u favur aktar investiment infrastrutturali li minnu jista’ jibbenefika kulħadd.
Stivala temm jappella favur lantijiet tax-xogħol aktar dinjitużi għall-ħaddiema li baqgħu jaħdmu f’temperaturi estremi u filwaqt li faħħar lil dawk li qegħdin imexxu b’eżempju, saħaq li kull kuntrattur għandu jieħu l-prekawzjonijiet meħtieġa skont tali ċirkostanzi lejn dawk li huma verament standards ogħla.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru għall-Infrastruttura, l-Ippjanar u x-Xogħol Jonathan Attard enfasizza li l-Gvern qed iwettaq l-impenji tiegħu biex jinbena qafas aktar modern u prevedibbli, fosthom permezz tar-riforma tal-proċess tal-appelli tal-ippjanar, li għandha l-għan li toħloq sistema aktar ġusta kemm għal min jappella kif ukoll għal dawk li lesti li jaderixxu ma’ proċess regolarizzat biex jiksbu l-permessi meħtieġa.
“L-ewwel ġimgħat fil-Ministeru kienu impenjattivi, u mill-ewwel bdejna naħdmu fuq prijoritajiet kruċjali, fosthom ir-riforma tal-appelli fl-ippjanar. Nemmen li d-djalogu jibqa’ l-pedament ta’ kull progress li rridu nagħmlu. Id-djalogu ma jfissirx li naqblu fuq kollox, iżda li nisimgħu lil xulxin, nirrispettaw fehmiet differenti u naħdmu flimkien biex nieħdu d-deċiżjonijiet fl-aħjar interess tal-pajjiż”, qal il-Ministru Attard.
Il-Ministru spjega wkoll il-ħidma li għaddejja biex jitnaqqsu proċessi burokratiċi bla bżonn, fosthom permezz ta’ portal diġitali wieħed bejn l-Awtorità tal-Ippjanar (PA), l-Awtorità tal-Bini u tal-Kostruzzjoni (BCA) u l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol (OHSA). Huwa fakkar li din kienet inizjattiva li twieldet mid-djalogu mal-industrija u li se tissimplifika l-proċessi għall-professjonisti, in-negozji u ċ-ċittadini.
Fost dawk preżenti għal din l-Attività kien hemm ukoll il-Prim Ministru Robert Abela, il-Ministru Owen Bonnici, il-Ministru Omar Farrugia, il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg, membri parlamentari u rappreżentanti minn stakeholders fis-settur.
