Wednesday, April 24, 2024

Il-Prim Ministru Awstraljan jinsisti li 70% tal-popolazzjoni titlaqqam qabel ma jneħħi l-lockdown

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

L-Awstralja se tkompli bl-istrateġija ta’ lockdown li qiegħda tuża fil-ġlieda tagħha kontra l-Covid-19 u dan sakemm mill-inqas 70% tal-popolazzjoni tkun imlaqqma kompletament. Dan ħabbru l-Prim Ministru, Scott Morrison, fejn żied jgħid li ladarba l-programm ta’ tilqim fuq skala nazzjonali jilħaq din il-mira, in-nies imbagħad ikollhom jadattaw ruħhom għal ħajja bil-virus.

Dan il-kontinent kellu rekord ta’ 914 infezzjonijiet ġodda l-Ħadd (ħin Awstraljan) li huwa l-għola li qatt kellu f’jum wieħed. L-istati ta’ New South Wales, Victoria u t-territorju tal-kapitali Awstraljana, baqgħu f’lockdown strett bil-għan li tkun ikkontrollata l-imxija tal-virus li oriġina miċ-Ċina.

F’intervista televiżiva Morrison qal li, “ma nistgħux nibgħu għal dejjem f’lockdown. Se jasal mument li jkollna nagħmlu bidla u din se ssir meta nilħqu 70% tal-popolazzjoni mlaqqma”.

Il-lockdowns fl-Awstralja huma l-istrateġija ewlenija li l-gvern lokali qiegħed juża biex jikkontrolla l-pandemija. Dan sakemm 70% taċ-ċittadini jieħdu ż-żewġ dożi tal-vaċċin u l-konfini jkunu jistgħu jinfetħu b’mod gradwali meta din il-figura titla’ għal 80%.

Fil-bidu tal-pandemija l-Awstralja kienet qiegħda timmira li ma jkollha ebda każ ta’ Covid-19 iżda skont Morrison din il-mira se tkun diffiċli ħafna li tintlaħaq sakemm jasal il-bżonn li jitnaqqsu r-restrizzjonijiet u l-miżuri ta’ mitigazzjoni.

“Il-lockdown huwa metodu sostenibbli biex niġġieldu l-virus u għalhekk għandna bżonn nilħqu s-70% u 80%. Dan biex wara nkunu nistgħu ngħixu bil-virus magħna,” spjega l-Prim Awstraljan. Madwar 60% tal-popolazzjoni mill-25 miljun ċittadini issa jinsabu f’lockdown. 

New South Wales irreġistra 830 infezzjonijiet ġodda fi tmiem il-ġimgħa u  n-numru tal-każijiet attivi fl-Awstralja issa kważi laħaq it-12,000. Fl-istess jum, l-istat ta’ Victoria, li jinsab fis-sitt lockdown tiegħu minn mindu bdiet il-pandemija, kellu 65 każijiet ġodda ta’ Covid-19. 

Minkejja li jinsabu fit-tielet mewġa tal-pandemija minħabba l-varjant Delta, in-numri ta’ każijiet ta’ Covid-19 fl-Awstralja huma relattivament baxxi b’total ta’ 44,000 każijiet u 981 imwiet.

Sport