Wednesday, March 27, 2024

Il-Prim Ministru l-ġdid tar-Renju Unit

Ruben Briffa
Ruben Briffa
Analista dwar Avvenimenti Internazzjonali

Aqra wkoll

Fil-5 ta’ Settembru li ġej, ir-Renju Unit sejjer ikollu Prim Ministru ġdid. Dan wara li l-Partit Konservattiv, permezz ta’ votazzjoni fost il-madwar 160 elf membru tiegħu, sejjer ikun qiegħed jagħżel is-suċċessur ta’ Boris Johnson minn fost Rishi Sunak u Liz Truss. Minkejja li Truss bħalissa tidher li hija l-favorita sabiex tieħu ċ-ċavetta ta’ 10, Downing Street, l-uffiċju tal-Prim Ministri Brittaniċi, it-tellieqa għadha miftuħa beraħ. 

Din sejra tkun ir-raba’ bidla ta’ Prim Ministru f’dawn l-aħħar sitt snin, ħaġa li żgur li mhijiex in-norma f’pajjiż bħall-Ingilterra fejn kważi minn dejjem irrenjat l-istabilità politika u fejn Prim Ministru dejjem idum mill-inqas żewġ leġiżlaturi.

Jirbaħ min jirbaħ, il-Prim Ministru l-ġdid żgur sejjer jidħol għal biċċa xogħol ferm iebsa bl-ekonomija tal-pajjiż qiegħda fi stat verament ħażin u b’inkwiet industrijali jfaqqa’ fi prattikament kull industrija essenzjali. Fuq kollox, il-fatt li l-Partit Konservattiv ma tantx qiegħed f’sitwazzjoni li tnissel il-kunfidenza minħabba li l-aħħar tliet mexxejja kellhom jirriżenjaw mill-ogħla kariga politika tar-Renju Unit.

Sitwazzjoni finanzjarja diżastruża

Il-Prim Ministru l-ġdid sejjer ikun qiegħed jaffaċja inflazzjoni ta’ aktar minn 13%, l-ogħla waħda fost il-pajjiżi tal-G7. Is-saħħa tal-pagi tal-ħaddiema Ingliżi mistennija tinżel b’rata ħafna aktar mgħaġġla milli niżlet f’dan l-aħħar diċenju. Fuq kollox, il-Prim Ministru jrid jaffronta l-pjaga tal-kontijiet għoljin immens li l-familji Ingliżi qegħdin ikollhom iħallsu għall-enerġija. Fil-fatt, rapporti ekonomiċi maħruġa minn rivisti akkademiċi bbażati fir-Renju Unit qegħdin jgħidu li familja tipika Ingliża mistennija kull sena tħallas kważi t’elef Sterlina fil-kontijiet tad-dawl, l-ilma u l-gass li jintuża sabiex jissaħħnu d-djar. Dan l-ammont huwa kważi tliet darbiet aktar mill-kontijiet li kienu jitħallsu sa sena ilu.

Din is-sitwazzjoni finanzjarja ħażina, peress li qeghdin igorruha n-nies, qeghda tqajjem ħafna reazzjoni negattiva madwar ir-Renju Unit kollu. Fil-fatt, diġà qegħdin naraw numru mhux ħażin ta’ strikes fis-servizz tal-ferroviji, fil-qrati, fil-portijiet u fil-kunsilli lokali. Agħar minn hekk, bħalissa hemm l-għajdut li dawn l-istrikes mistennija jolqtu wkoll lis-Servizzi tas-Saħħa Nazzjonali, servizzi li diġà qegħdin fil-mira tal-kritika minħabba l-‘waiting lists’ twal immens li diġà għandhom.

Sadanittant, komdu mill-banek tal-oppożizzjoni, il-Partit Laburista Ingliż diġà ta daqqa taħt iċ-ċintorin lill-Prim Ministru l-ġdid, billi webbel lill-poplu bi proposta li jkun impost limitu fuq il-kontijiet annwali li jintalbu jħallsu l-familji, b’dan il-limitu jkun ta’ ftit anqas minn elfejn lira sterlina.

Kif sejra tissolva l-kriżi finanzjarja?

Kif kien mistenni, iż-żewg kontestanti ffukaw il-kampanja elettolari tagħhom fuq wegħdi li jikkonċernaw il-kriżi ekonomika li semmejna aktar ‘il fuq.

Sunak beda l-kampanja tiegħu billi beda jibgħat il-messaġġ li huwa l-uniku kandidat li kien qiegħed jispjega s-sitwazzjoni ekonomika reali lill-membri tal-partit tiegħu. Għalhekk, għall-ewwel, Sunak beda jgħid li ma kienx possibli li jitnaqqsu t-taxxi sakemm ma tkunx ġie ikkontrollata l-inflazzjoni. 

Però, matul il-kampanja, forsi wara nduna li Truss qiegħda żżid fil-popolarità, biddel id-diska u wiegħed li sejjer ikun qiegħed ineħħi b’mod temporarju l-VAT fuq il-kontijiet tal-enerġija u li kien sejjer ikun qiegħed inaqqas it-taxxa fuq id-dħul minn 24% ghal 16% sas-sena 2029. Kemm-il darba din il-proposta tkun attwata, din tiġi tiswa kważi 1% tal-GDP tar-Renju Unit. Barra minn hekk, Sunak qal li kien sejjer ikun qiegħed jiddedika bejn 4 u 6 biljun lira sterlina sabiex jgħin lill-famlji l-aktar fil-bżonn sabiex iħallsu l-kontijiet tagħhom.

Min-naħa l-oħra, Liz Truss mill-ewwel bdiet tipproponi ċertu tnaqqis fit-taxxi fejn qiegħda twiegħed t-tneħħija tat-taxxi ambjentali minn fuq il-kontijiet tal-enerġija. Barra minn hekk, Trus qalet li sejra żżid l-investiment fl-enerġija rinovabbli fid-djar, għalkemm hija kontra l-installazzjoni ta’ pannelli tax-xemx fl-għelieqi. Truss qiegħda wkoll twiegħed tnaqqis drastiku fil-ħlas tal-bolol u fit-taxxi li jħallsu n-negozji.

Proposti oħra

Rigward il-kriżi fis-servizzi tas-saħħa, kriżi li diġà semmejna b’mod superfiċjali aktar ‘il fuq, Truss qiegħda twiegħed li sejra tnaqqas l-ispiża fil-pagi fl-irwoli maniġerjali billi tnaqqas in-numru ta’ dawn il-pożizzjonijiet filwaqt li Sunak qiegħed jgħid li sejjer jagħmel task-force li sejra tkun qiegħda tissorvelja l-waiting list li semmejnieha ukoll aktar qabel, kif ukoll li sejjer jintroduċi sistema ta’ multi meta jkunu ikkanċellati ċertu appuntamenti.

Tema oħra li ħarġet f’din l-kampanja hija fuq kif iż-żewġ kontestanti sejrin ikunu qegħdin jippruvaw itaffu l-pjaga tal-immigrazzjoni illegali li bhalissa qiegħda ddejjaq ħafna lill-Ingliżi. Fuq din it-tema jidher li hemm qbil bejniethom sabiex jintbagħtu numru minn dawn l-immigranti lejn ir-Rwanda, bi Truss tipproponi wkoll żieda fin-numru tal-pulizija tal-fruntieri u b’Sunak iwiegħed wkoll li jkun hemm limitu fuq kemm ir-Renju Unit jaċċetta refuġjati.

Minkejja li ħafna analisti politiċi qegħdin jgħidu li l-proposti ta’ Sunak huma ħafna aktar spjegati u realistiċi minn dawk ta’ Truss, speċjalment fuq ir-riforma fis-servizzi tas-saħħa, riforma li fuqha Truss kwazi ma qalet xejn matul din il-kampanja, l-ottimiżmu u l-konsistenza ta’ Truss jidhru li qegħdin jinżlu ħafna aħjar mall-votanti Konservattivi. Raġuni oħra li qiegħda taghmel lil Truss bhala il-favorita li tieħu s-siġġu ta’ Boris Johnson, raġuni li ħafna qegħdin jiddejqu jgħidu, hija li l-Ingliżi mhumiex lesti li jkollhom Prim Ministru li jidher li huwa kollox minbarra Ingliż. Dan minħabba li Sunak ġej minn familja Indjana.

Ekonomija

Sport