F’laqgħa fil-Berġa ta’ Kastilja mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa Alain Berset, il-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar il-prijoritajiet ta’ Malta meta se tkun qed tassumi l-Presidenza tal-Kunsill f’Mejju li ġej, għal sitt xhur. Hawn issemmew it-temi li se tiffoka fuqhom Malta fosthom il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika, il-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal, il-promozzjoni tal-ugwaljanza u l-ħidma kontra d-diskriminazzjoni u l-vjolenza, kif ukoll il-ħarsien tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-drittijiet tal-bniedem.
Il-prim ministru aċċenna għall-importanza tal-Kunsill tal-Ewropa u l-valuri kruċjali li tħares. Wera s-sodisfazzjon li Malta li ser ikollha l-Presidenza fl-istess sena li qed tiċċelebra 60 sena mis-sħubija tagħha f’din l-organizzazzjoni Ewropea. Il-Prim Ministru Robert Abela qal li fi żmien fejn il-valuri demokratiċi jridu jkomplu jiġġeddu fost ġenerazzjonijiet ġodda, l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ tibqa’ element ċentrali. Tkellem ukoll dwar kif f’pajjiżna għandna l-Vot 16 u l-Youth Advisory Forum li fih il-prim ministru u l-eżekuttiv tal-pajjiż jiddiskutu politika u inizjattivi ma’ żgħażagħ magħżula wara sejħa pubblika, bis-sehem tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ.
Dwar it-tisħiħ tas-saltna tad-dritt, il-Prim Ministru Robert Abela nnota l-irwol tal-Kummissjoni Venezja fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa, filwaqt li qal li pajjiżna laqa’ rakkomandazzjonijiet importanti minn għand din il-Kummissjoni li bihom saħħaħ l-indipendenza tal-istituzzjonijiet f’pajjiżna. Il-prim ministru sostna li l-Gvern Malti kompla jimbotta riformi leġiżlattivi ambizzjużi li fihom ħadem id f’id mal-Kunsill tal-Ewropa.
Dwar l-Ukrajna, il-Prim Ministru Robert Abela qal li bħalma għamlet fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda kif ukoll fil-Presidenza tagħha tal-OSCE, Malta ser tkompli tappoġġja lil dan il-pajjiż milqut mill-gwerra matul il-Presidenza tal-Kunsill tal-Ewropa, u tagħtih is-sostenn mistħoqq, inkluż billi tappoġġja l-isforzi differenti tal-Kunsill tal-Ewropa f’dan ir-rigward.
Jakkumpanjaw lill-Prim Ministru fil-laqgħa kien hemm id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg, ir-Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għall-Kunsill tal-Ewropa Francesca Camilleri, is-Segretarju Permanenti fi ħdan l-Uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru u l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Christopher Cutajar u l-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru Mark Mallia.