Monday, June 15, 2026

Il-Prim Ministru Robert Abela f’laqgħa mal-MCESD dwar il-prijoritajiet tal-Gvern għal din il-leġiżlatura

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat mill-Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur, Keith Azzopardi Tanti u l-Ministru għaż-Żgħażagħ, il-Benesseri u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Omar Farrugia, iltaqa’ mar-rappreżentanti tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) dwar il-prijoritajiet imfassla minn dan il-Gvern għal matul il-ħames snin li ġejjin. 

Il-Prim Ministru Abela qal li l-MCESD u l-imsieħba soċjali huma pedina importanti fid-djalogu soċjali u biex bħala pajjiż nkomplu mixjin ’il quddiem. 

Dr Abela tenna li dan il-Gvern se jkompli jipprijoritizza l-konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali kollha. Huwa rrefera  ukoll għal relazzjoni ta’ rispett u ħbiberija li nbniet fl-aħħar snin, fosthom f’mumenti kritiċi bħall-pandemija, meta l-Gvern, flimkien mal-imsieħba soċjali, ħadem biex jissalvagwardja l-ħaddiema, il-familji, min iħaddem u l-istabbiltà ekonomika tal-pajjiż.

Huwa semma wkoll il-ħidma konġunta li l-Gvern kellu flimkien mal-MCESD fuq il-Viżjoni Malta 2050 u fuq diversi ftehimiet settorjali u kollettivi li tejbu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema. Qal li fid-diskussjonijiet u l-ħidma dejjem kien hemm rispett u impenn lejn il-ġid komuni.

Il-Prim Ministru enfasizza li l-Gvern se jkompli jagħti ċertezza, stabbiltà u serħan il-moħħ, b’mod partikolari fil-qasam strateġiku tal-enerġija. Huwa qal li Malta tinsab b’saħħitha, b’ekonomija soda u f’qagħda fiskali li tippermetti lill-Gvern ikompli jinvesti fil-familji u fin-negozji.

Dr Abela rrimarka li l-programm ta’ ħidma tal-Gvern huwa wieħed ambizzjuż u riformista, li se jeħodna pass eqreb lejn ir-realizzazzjoni tal-Viżjoni Malta 2050, b’enfasi fuq il-kwalità tal-ħajja, is-saħħa, l-edukazzjoni, il-mobbiltà sostenibbli, l-ambjent u d-diġitalizzazzjoni.

Il-Prim Ministru temm jgħid li fl-ewwel mitt jum ta’ din il-leġiżlatura l-Gvern se jibgħat sinjal ċar li se jkun qed ikompli jwettaq il-bidliet neċessarji, filwaqt li tenna l-impenn li d-djalogu soċjali jkompli jissaħħaħ għall-ġid tal-poplu.

Il-Ministru Keith Azzopardi Tanti qal li l-progress sostenibbli ma jistax jiġi impost minn-naħa waħda biss, iżda għandu jinbena flimkien permezz ta’ djalogu fejn it-tkabbir ekonomiku jimxi id f’id mal-progress soċjali u l-investiment fil-ħiliet tal-ħaddiema. “Bħala Gvern, aħna kommessi li naħdmu mal-imsieħba soċjali kollha biex l-użu tal-fondi Ewropej u d-deċiżjonijiet tagħna jkomplu jtejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies u ma jħallu lil ħadd lura,” tenna l-Ministru Azzopardi Tanti.

Iċ-Chairperson tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, Maria Micallef qalet li l-fatt li waħda mill-ewwel attivitajiet ta’ din il-leġiżlatura hija propju laqgħa tal-MCESD, huwa sinjal ċar tal-importanza li l-Gvern qed jagħti lid-djalogu soċjali u l-imsieħba soċjali. Hija saħqet ukoll li bħala pajjiż irridu nimxu ’l quddiem permezz tal-Viżjoni Malta 2050, viżjoni li l-Kunsill tal-MCESD kien strumenti biex titnieda. Hija semmiet li l-valur ta’ din il-Viżjoni ma jitkejjilx biss mill-aspirazzjonijiet tagħha, iżda wkoll mill-kapaċità tagħna li nibqgħu ffukati fuq l-implimentazzjoni u l-miri identifikati.

Maria Micallef saħqet li jekk kulħadd ikun kommess għad-djalogu, bħala pajjiż nistgħu mhux biss nindirizzaw l-isfidi tal-lum imma wkoll nibnu futur aktar sostenibbli, inklużiv u prosperu għall-ġenerazzjonijiet ta’ għada sabiex b’hekk inkomplu ntejbu l-kwalità tal-ħajja u l-benesseri tal-Maltin u l-Għawdxin.

Il-Kap tas-Servizz Pubbliku Tony Sultana qal li l-amministrazzjoni pubblika hija lesta li tisma’, imma fuq kollox li tmexxi l-implimentazzjoni meħtieġa. “Tmexxija moderna tfisser li noħolqu viżjoni ċara, li nieħdu deċiżjonijiet b’kuraġġ fejn ikun hemm bżonn, u li niffaċilitaw il-bidla neċessarja biex Malta tibqa’ kompetittiva, inklużiva u sostenibbli, mingħajr ħadd ma jibqa’ lura u fejn kulħadd jista’ jgawdi mill-ġid komuni,” tenna Tony Sultana. 

Min-naħa tiegħu s-Segretarju tal-Kabinett Ryan Spagnol irrimarka li diġà nbeda x-xogħol neċessarju biex jibda l-implimentazzjoni tal-miżuri tal-Manifest Elettorali, filwaqt li titkompla l-implimentazzjoni ta’ dawk il-miżuri li kienu għadhom qed jiġu implimentati fil-leġiżlatura preċedenti. Huwa għamel ukoll referenza għall-Wellbeing Index – indiċi li għandu l-għan li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja b’25%. Ryan Spagnol tenna li kull miżura se tkun qed tikkontribwixxi biex nilħqu din il-mira ewlenija li għandu pajjiżna.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport