Raġel ta’ 23 sena residenti San Pawl il-Baħar tressaq il-Qorti fejn ġie mixli bil-qtil involontarju ta’ sewwieq ta’ mutur f’Pembroke f’każ li seħħ is-sena li għaddiet.
Matthias Laus wieġeb mhux ħati li fis-26 ta’ Lulju 2025, fi Triq Sant Andrija, ikkaġuna l-mewt ta’ Tenjo Kosev, Bulgaru li kellu 27 sena b’sewqan traskurat.
Il-Prosekuzzjoni spjegat quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimechkif il-vittma kien sejjer lura d-dar f’Raħal Ġdid wara li mar il-gym meta ntlaqat minn BMW misjuqa mill-akkużat.
Intqal kif fuq il-post tar-reat instabet evidenza li turi kif bl-impatt il-vittma spiċċa fuq il-windscreen tal-karozza qabel waqa’ mal-art.

Ġie ppreżentat ukoll filmat meħud minn bodycam tal-Pulizija li fih l-akkużat jinstema jgħid li kien ixxukkjat bl-inċident. Aktar tard instema jistaqsi kif kien il-vittma bil-pulizija infurmaw li kien miet.
L-imputat ma kienx taħt l-effett tal-alkoħol u dan wara li satlu t-test tan-nifs. Madankollu espert tal-Qorti xehed li l-akkużat kien xorob ammont ta’ alkoħol bejn 3 ijiem jew jum qabel.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukat Justine Brincat mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Ispettur Nathan Bugeja, l-Avukati Vincienne Vella u Herman Mula qed jidhru għall-akkużat waqt li l-Avukat Veronique Dalli qed tidher għall-familja tal-vittma.



